In-Network tas-Soċjetà Ċivili jrid inkjesta ġdida fuq Egrant

Read in English.

In-Network tas-Soċjetà Ċivili qiegħed jappella biex issir inkjesta mill-ġdid dwar il-każ tal-kumpanija Egrant, inkjesta, li skont in-Network, “qatt ma laħqet it-tir tagħha.”

Fi stqarrija mibgħuta dalgħodu, in-Network tas-Soċjetà Ċivili spjega li għandha ssir inkjesta fuq dan il-każ mill-ġdid wara li tqajmu dubji serji fl-integrità tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fil-proċeduri kriminali fil-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din il-ġimgħa l-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li tinbeda investigazzjoni dwar l-aġir tal-eks Kummissarju, wara li fil-qorti nstemgħet xhieda li tgħid li Cutajar jaf informa lis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma dwar meta dan se jsirlu rejd mill-Pulizija.

In-Network żied jgħid li Cutajar kien is-superjuri tal-istess pulizija li investigaw l-Egrant fl-inkjesta maġisterjali taħt Aaron Bugeja, li llum inħatar imħallef. “Dak iż-żmien kienu għadhom fil-poter Joseph Muscat u Keith Schembri, wieħed li kellu jirriżenja wara għadd ta’ protesti nazzjonali, u l-ieħor illi wkoll qiegħed taħt investigazzjoni kriminali.”

F’Lulju tal-2018, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja sabiex iħabbar li din l-inkjesta sabet li m’hemm l-ebda rabta bejnu u martu Michelle Muscat mal-kumpanija Egrant, kif kienet allegat il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Wara snin ta’ proċeduri fil-qorti mmexxijin mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-inkjesta ġiet ippubblikata b’mod sħiħ f’Diċembru tal-2019.

Fil-fehma tan-Network, l-inkjesta l-ġdida għandha tkun usa’ fl-iskop tagħha u għandha terġa’ ssir mingħajr il-possibbiltà tal-influwenza ta’ min kien qiegħed jiġi investigat.

In-Network temm jgħid, “Malta ħaqqha aħjar milli ħadet s’issa. Is-saga politika mhix se tintemm sakemm tinġieb ġustizzja fuq min għamel tant ħsara lil Malta. Il-ġustizzja tista’ titwettaq biss jekk toħroġ il-verità, u din għandha tkun fost l-ogħla prioritajiet.”

Fl-aħħar xhur waqt il-proċeduri kriminali u fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia, il-kumpanija Egrant reġgħet issemmiet. Fost dawn id-drabi, l-eks investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris xehed li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien qallu li l-kumpanija Egrant hija tal-Partit Laburista.

Minkejja li issa Malta għandha Prim Ministru differenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’Jannar saħaq li l-PM attwali, Robert Abela, kien parti mix-xibka ta’ nies li ostakolaw il-verità dwar il-kumpanija Egrant.