In-NET u l-ONE għandhom iżarmaw – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li huwa “essenzjali” li l-partiti politiċi ma jkollhomx aktar in-negozji tagħhom jew il-midja tagħhom u minflok ikun hemm radju u televiżjoni tassew imparzjali.

Fi stqarrija, il-PD qal li għal għexieren ta’ snin, Malta ħasset l-arroganza ta’ poter ta’ sistema ta’ żewġ partiti li dejjem fittxew l-interessi politiċi tagħhom qabel il-ġid nazzjonali. Skont il-PD, fil-politika partiġġjana tal-Partit Nazzjonalista (PN) u tal-Partit Laburista (PL) m’hemmx kontabilità jew trasparenza. “L-Att tal-Elezzjonijiet Ġenerali u l-Att tal-Awtorità tax-Xandir huma eżempju fejn il-liġi ttihom preferenza”, qal il-PD.

Fi kliem il-PD, fix-xena politika hemm iż-żewġ partiti l-kbar li t-tnejn għandhom l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju u l-gazzetti tagħhom. Skont il-PD, f’għajnejn l-Awtorità tax-Xandir dawn jibbilanċjaw lil xulxin. “Ilħna oħra bil-kemm jinstemgħu matul is-snin, ħlief għal ftit ħafna waqt kampanja elettorali”, qal il-PD.

Għall-PD is-soluzzjoni hija stazzjonijiet għar-radju u għat-televiżjoni mis-servizz pubbliku tax-xandir taħt is-superviżjoni tal-PBS. “Dan jiżgura li kull entità politika tingħata s-sehem li jixraq,” qal il-PD.

Il-PD qal li l-PN u l-PL għandhom il-kumpaniji kummerċjali tagħhom li jgħinuhom fil-finanzjarjament u kampanji ta’ propoganda “li twassal il-verżjoni tar-realtà, kif jarawha l-partiti”.

Fl-2017 kien ġie ppubblikat rapport li qal li Malta hija l-unika pajjiż fl-UE li għandha proporzjon tant qawwi ta’ midja li hija mmexxija minn partiti politiċi. Ġie identifikat riskju ta’ 90% għall-indikatur ta’ kontroll politiku fuq il-midja.

Il-PD qal li hemm bżonn finanzjament pubbliku għall-partiti, b’sussidji, għajnuna tal-istat (finanzjarja jew riżorsi umani jew teknoloġiċi) jew eżenzjoni mit-taxxi fl-attivitajiet tagħhom. Fil-fehma tal-PN dan inaqqas l-interessi privati li jmorru kontra l-ġid pubbliku.

Skont il-PD, bis-sistema politika kurrenti, l-eżekuttiv jista’ juża fondi pubbliċi mingħajr limitu biex jirreklama għal vantaġġ tiegħu dak li qed jagħmel, b’kull mezz, bħall-aħbarijiet, midja soċjali, u mezzi oħra ta’ reklamar. “Is-sistema hija waħda li biha ċ-ċittadin jiffinanzja l-kampanji ta’ pubbliċità tal-partit fil-gvern bit-taxxi li jħallas.” Il-PD spjega wkoll li partit fil-gvern li jsejjaħ elezzjoni għandu l-poter li jqassam pjaċiri, promozzjonijiet, u permess tal-bini fl-aħħar minuta.