In-negozji qed jitilfu 70% tal-bejgħ – Philip Fenech, Newsbook Webinar

Id-Deputat President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Philip Fenech stqarr li hekk kif f’Malta t-turiżmu jikkontribwixxi għal 70% tad-domanda tan-negozji, in-negozji bħalissa qed jattiraw 30% biss.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ekonomija wara l-pandemija tal-coronavirus, Fenech insista li l-ekonomija ta’ gżira bħal Malta, tiddependi ħafna mit-turisti.

Semma dak li qal riċentament il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg, li l-ivvjaġġar lejn Malta mistenni jonqos b’50%. Fi kliem Philip Fenech, dan ifisser li miż-2 miljun turist f’Malta se jkunu qed jidħlu miljun awtomatikament. “Dan se jħalli effetti drastiku fuq in-negozji. Biex nerġgħu nibdew nattiraw 2 miljuni se tieħu s-snin”, kompla jgħid Fenech.

Id-Deputat President tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji fisser li għalkemm il-vaċċin se jgħin biex is-settur turistiku jerġa’ jirpilja, fadal triq twila u n-negozji jridu jqassmu r-riżorsi biex jassiguraw li jaslu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn