In-negozji jridu li jingħataw kumpens minħabba l-qtugħ tad-dawl

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qed titlob lil Gvern biex jaħseb fin-negozji u jagħtihom kumpens għad-danni li sofrew meta l-ġimgħa li għaddiet Malta kollha spiċċat bla dawl.
L-MEA sostniet li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb ukoll għall-pagi tal-ħaddiema li kienu xogħol iżda ma setgħux jaħdmu.
Wara l-inċident ta’ nhar it-Tlieta, il-Gvern qal li qed jikkunsidra l-possibilità li jagħti kumpens lil għadd limitat ta’ residenzi talli qattgħu kważi 19-il siegħa mingħajr elettriku.
L-Assoċjazzjoni saħqet li n-negozji f’Malta jħallsu l-għola rati kummerċjali għall-provvista tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea kollha waqt li r-rati tar-residenzi huma viċin il-medja Ewropea.
Kompliet tgħid li għalhekk, in-negozji għandhom jingħataw priorità u jingħataw il-kumpens mistħoqq.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Malta Association of Hospitality Executives (MAHE) wriet it-tħassib tagħha għall-fatt li l-Gvern ma tkellimx dwar li jagħti kumpens lil barijiet, ristoranti u lukandi, li ħafna minnhom, minħabba l-ispejjeż, ma jistax ikollhom ġeneratur tal-elettriku.