In-negozji issa jistgħu japplikaw għar-rifużjoni tal-kera

Miguela Xuereb

Il-proċess għar-rifużjoni tal-kera beda, issa li aktar minn 16,000 negozju rċivew l-applikazzjoni.

Din il-miżura hija waħda mill-miżuri li nieda l-Gvern biex jgħin lin-negozji jirkupraw mid-daqqa li ħadu minħabba l-imxija tal-coronavirus. B’hekk, in-negozji se jingħataw għajnuna ta’ €2,500. Negozji li għandhom iktar minn post wieħed u li jimpjegaw aktar ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €7,500.

L-għan ta’ din l-inċentiva huwa li jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom, u biex in-negozji li fl-ewwel xhur tal-pandemija tal-Covid-19 kellhom jagħlqu l-ħwienet, ikollhom aktar likwidità. 

Fl-applikazzjoni tagħhom, in-negozji jridu jippreżentaw kuntratt ta’ kirja validu sa minn qabel id-9 ta’ Marzu 2020, kopja tal-aħħar irċevuta tal-kera (li tinkludi parti mill-2020), li tingħata informazzjoni dwar xi għotjiet finanzjarji li n-negozju diġà ħa mingħand dipartimenti differenti tal-Gvern sal-lum, dikjarazzjoni dwar ‘Undertaking in difficulty’.

Dawk kollha li bbenefikaw mill-Covid Wage Supplement huma eliġibbli għal din l-iskema wkoll.

L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sad-9 t’Ottubru.