In-negozji għandhom bżonn self bla interessi – GTA u GBC

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp (MDB) nieda l-iskema ta’ garanzija tal-Gvern minħabba l-imxija tal-coronavirus, li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu qalu li mhix biżżejjed, u sostnew li n-negozji jeħtieġu self bla interessi u moratorji f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

Il-Gvern ħoloq fond ta’ €350 miljun biex l-MDB jiżviluppa s-CGS, bl-iskop li jiġi assikurat self bankarju għal kull tip ta’ negozju għal dak li huwa ‘working capital’, jiġifieri likwidità li tagħti n-nifs lin-negozji li qed jaffaċċjaw diffikultà biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom minħabba l-effetti ekonomiċi tal-Covid-19. Il-Ministeru tal-Finanzi nkariga l-MDB bħala l-entità responsabbli mit-tfassil, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema.

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp se jimmobilizza l-fond ta’ €350 miljun b’din l-iskema mal-banek kummerċjali biex jinħoloq portafoll ta’ self lin-negozji ta’ €777.8 miljun. L-ispejjeż koperti taħt din l-iskema jinkludu salarji, kirjiet, kontijiet tad-dawl, ilma u enerġija oħra, ħlas pendenti fuq fatturi, xiri ta’ materjal u ħażna għall-kontinwità tan-negozju, spejjeż relatati ma’ kuntratti li setgħu ġew sospiżi minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti, u spejjeż ta’ manutenzjoni. Negozji ta’ kull daqs u tip jistgħu japplikaw mal-banek kummerċjali għal ammont ta’ self sa €5 miljun, skont id-daqs, il-pagi u l-bejgħ tal-applikant.

Fuqiex ilmentaw l-entitajiet Għawdxin?

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li japprezzaw l-isforzi tal-Bank Malti ta’ Żvilupp biex joffri skema favorevoli għan-negozji f’Malta, iżda jħossu li l-prodott offrut mhuwiex wieħed attraenti għan-negozji.

Iż-żewġ entitajiet saħqu li jeħtieġ li l-Gvern jagħraf li f’din il-kriżi, huma ħafna n-negozji li se jfallu u jagħlqu. Għaldaqstant, hemm ħtieġa ta’ self bla interessi u moratorji. Qalu li dan qed isir f’diversi pajjiżi, pereżempju fir-Renju Unit.

Apparti dan, l-entitajiet appellaw lill-Gvern sabiex jutilizza fondi lokali disponibbli fil-banek, sabiex dawn jingħataw lin-negozji fil-forma ta’ loans, b’interess marġinali mħallas mill-Gvern lill-banek.

Iż-żewġ entitajiet opponew dak li qalet l-Viċi President tal-Unjoni Ewropea Margrethe Vestager meta stqarret li l-iskema Maltija se tgħin lin-negozji jkopru bżonnijiet ta’ working capital u jkomplu għaddejjin f’daż-żminijiet. Huma sostnew li bir-rati ta’ interess għoljin f’Malta, l-iskema offruta ma tistax tkun effettiva. Skonthom, l-iskema se tiskoraġġixxi negozji li kienu qed jistennew aċċess inqas għoli u aħjar għall-finanzi.

L-appell tagħhom kien indirizzat ukoll lill-Unjoni Ewropea, sabiex kliem il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Ursula von der Leyen biex l-ekonomija Ewropea tinżamm fuq saqajha, jidħol fis-seħħ għal Malta u Għawdex ukoll, sabiex l-ekonomija jirnexxilha tissopravvivi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn