In-negozjanti jridu lil Fearne u Abela jaħtru Ministru għall-Governanza Tajba

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed titlob lil Fearne u lil Abela jaħtru Ministru għall-Governanza Tajba. Din id-deċiżjoni tkun trid tittieħed minn dak minnhom li jirbaħ l-elezzjoni ta’ għada u jsir PM ta’ Malta.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb qal lil Newsbook.com.mt li l-Kamra kienet proattiva u ħejjiet 65 rakkomandazzjoni għal Malta. Dawn se jiġu ppreżentati lil min jirbaħ l-elezzjoni interna tal-PL.

Il-proposti jikkonċernaw diversi oqsma tas-soċjetà inkluż ir-regolaturi u ċ-ċittadini.

Waħda minn dawn il-proposti hija li Malta jkollha ministru responsabbli għall-governanza tajba. Skont Xuereb b’ħatra bħal din jingħata sinjal b’saħħtu lill-Maltin u tgħola l-kunfidenza tagħhom f’dak li qed jiġri. Żied jgħid li jingħata wkoll sinjal ċar lill-barranin li jħarsu lejn Malta peress li bħalissa hemm min għandu dubji dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż. B’hekk Malta turi li verament ikun hemm “no stone unturned,” spjega Xuereb.

Chris Fearne aċċetta li jalloka ftit minuti għal laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ jekk jitla’ sabiex il-Kamra tkun tista’ tgħaddilu r-rakomandazzjonijiet tagħhom. Il-Kamra kienet se titlob l-istess ħaġa mingħand il-kandidat Robert Abela imma Abela ma attendiex l-avveniment tagħhom.

Newsbook.com.mt staqsa lil Xuereb għall-ewwel reazzjonijiet tiegħu wara li sema’ lil Chris Fearne jitkellem dwar għadd ta’ suġġetti. Xuereb qal li l-membri tal-Kamra li avviċinawh wara l-avveniment qalulu li Fearne kellu risposti tajbin li ġew apprezzazti. Però żied jgħid li forsi mhux kulħadd jaqbel ma’ dak kollu li ntqal.

Filmat: Christoph Schwaiger