In-nefqa fuq l-LSAs żdiedet bi tmien darbiet f’ħames snin

Fl-2016, in-nefqa tal-Gvern fuq Learning Support Assistants (LSAs) kienet kważi tmien darbiet aktar minn dik fl-2011.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Alex Muscat.
L-LSAs huma dawk l-assistenti tal-għalliema li fil-klassi jagħti attenzjoni speċjali lil studenti li jkunu jeħtieġu attenzjoni iktar mill-qrib biex ikunu jistgħu isegwu l-kurrikulu. L-ispiża tal-Gvern, fisser Bartolo, tkopri kemm LSAs fi skejjel tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u dawk indipendenti.
Fl-2011, l-ispiża fuq LSAs kienet ta’ madwar €300,00 li rduppjat fl-2012 u reġgħet irduppjat mill-ġdid fis-sena ta’ wara. L-ispiża kompliet tiżdied sena wara l-oħra biex is-sena li għaddiet laħqet madwar €2.7 miljun.