In-Nazzjonijiet Magħquda jfakkru vittmi ta’ vjolenza reliġjuża

Paġna fuq Facebook għal Kampanja Favur il-Libertà Reliġjuża

Kull sena, jum it-22 ta’ Awwissu se jkun rikonoxxut uffiċjalment min-Nazzjonijiet Magħquda bħala Jum Internazzjonali li jfakkar il-Vittmi tal-Vjolenza bbażata fuq ir-Reliġjon.

Dan ir-rikonoxximent hu riżultat ta’ Riżoluzzjoni approvata fit-28 ta’ Mejju li għadda minn istituzzjoni internazzjonali. Ir-riżoluzzjoni tressqet mill-Polonja u kellha l-appoġġ tal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Brażil, l-Eġittu, l-Iraq il-Ġordan, in-Niġerja u l-Pakistan.

Il-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need (ACN), li ilha tgħin lill-insara persegwitati għal dawn l-aħħar 70 sena, laqgħet bil-ferħ din ir-Riżoluzzjoni bħala l-ewwel pass biex ikun hawn għarfien akbar għat-traġedja tal-persekuzjoni reliġjuża – b’mod partikolari l-vjolenza kontra l-insara – li sal-lum huma l-akbar grupp li qed isofri persekuzzjoni.

Żieda fil-vjolenza kontra l-insara

Gruppi internazzjonali li jaħdmu għal-libertà reliġjuża jikkonfermaw li hawn żieda bla preċedent ta’ vjolenza kontra persuni tad-diversi twemmin reliġjuż, f’kull kontinent, bl-insara jsofru l-akbar persekuzzjonijiet.

Mark Riedemann, Direttur tal-Affarijiet Pubblici ta’ ACN qal li dan ir-rikonoxximent min-Nazzjonijiet Magħquda ta’ din ir-realtà hu pass importanti, iżda hu biss l-ewwel pass u l-bidu ta’ proċess biex ikun pjan ta’ azzjoni koordinat min-Nazzjonijiet Magħquda u l-pajjiżi membri, lejn aktar prevenzjoni u biex eventwalment tieqaf il-persekuzzjoni reliġjuża.

Riedemann żied jgħid li għandu jkun kunsidrat li n-Nazzjonijiet Magħquda twaqqaf pjattaforma apposta li permezz tagħha rappreżentanti ta’ gruppi persegwitati jew NGOs li jaħdmu magħhom, ikunu jistgħu jaqsmu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-isfidi li dawn il-gruppi ta’ twemmin differenti jkunu qed jaffaċċjaw.

Il-persekuzzjoni għandha titwaqqaf

Skont Riedemann, dawn il-każi għandhom iservu bħala bażi biex isiru magħrufa aħjar it-tendenzi tal-persekuzzjonijiet, min huma dawk li qed iwettqu dawn l-atroċitajiet, kif jaħdmu, kif iġibu l-flus u b’hekk ikun jista’ jitfassal pjan ta’ azzjoni biex fil-futur ikunu evitati każi bħal dawn jew almenu ma jitħallewx jikbru u jsiru ġenoċidji.

ACN qed tkompli tiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-insara persegwitati madwar id-dinja u tagħti l-appoġġ tagħha biex f’dawn is-sitwazzjoni il-fidi u t-tama jibqgħu ħajjin.

Grazzi għall-ġenerożità tal-benefetturi tagħha, din il-Karita Pontifiċja qed tiffinanzja aktar minn 5,000 proġett mifruxa f’145 pajjiż, kull sena.

Daqskemm hu importanti l-appoġġ finanzjarju, hekk ukoll hu importanti l-għarfien dwar id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom dawn l-insara, biex il-karba tagħhom ma tintesiex u t-tbatija tagħhom ma tibqax għaddejja qisu mhu xejn.