In-Nazzjonijiet Magħquda tagħraf il-kontribut ta’ għaqdiet reliġjużi fil-ħidma mal-immigranti

Reuters

L-Osservatur Permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Magħquda faħħar l-abbozz ta’ dak li qed jissejjaħ il-“Global Compact for Safe, Orderly and Regular Migration” li għaraf il-bżonn li l-komunità internazzjonali u l-gvernijiet nazzjonali jikkoperaw ma’ organizzazzjonijiet reliġjużi li qed jagħmlu xogħol essenzjali mal-immigranti li qed jaħarbu minn pajjiżhom.

L-Arċisqof Berbardito Auza kien qed jitkellem f’konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda  dwar ‘Il-Protezzjoni u l-Integrazzjoni ta’ Immigranti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli: Il-każ ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi”.

Auza qal li dawn l-organizzazzjonijiet huma preżenti f’kull stadju tal-vjaġġ tal-immigranti, jimlew il-vojt li jħallu l-gvernijiet u s-soċjetà ċivili. Hu semma ħames raġunijiet għaliex dawn l-organizzazzjonijiet huma effettivi ħafna fil-ħidma tagħhom mar-refuġjati u l-immigranti.

  1. Dawn għandhom netwerk lokali, nazzjonali u internazzjonali stabbilit u organizzat ħafna;
  2. L-emigranti jafdaw ħafna lil dawk tal-istess twemmin tagħhom, li se jgħinuhom u mhux se jdaħħlu f’aktar inkwiet u problemi;
  3. Dawn l-organizzazzjonijiet huma fdati u rispettati anke minn gvernijiet;
  4. Għandhom vuċi qawwija għad-difiża tad-dinjità u d-drttijiet umani tal-emigranti;
  5. Għandhom ħafna voluntiera li kapaċi jgħinu fil-ħtiġijiet tal-integrazzjoni kulturali u soċjali tal-immigranti.

L-Arċisqof Auza sostna li dawn l-organizzazzjonijiet huma effettivi ħafna biex jaħdmu fuq l-erba’ oqsma li spiss isemmi l-Papa Franġisku dwar l-emigranti, li huma: il-merħba, li jilqgħu lill-emigranti; jipproteġuhom; jgħinuhom jintegraw u jġibu ‘l quddiem l-interessi tagħhom.

Dawn huma dejjem lesti biex jissieħbu u jikkollaboraw mal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili biex jgħinu lill-emigranti, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli.