In-Nazzjonijiet Uniti akkużata li ma għamlet xejn quddiem il-persekuzzjoni reliġjuża

L-organiżazzjoni kattolika “Aid to Church in Need” qalet li bej n l-2015 u l-2017 il-persekuzzjoni tal-insara madwar id-dinja laħqet livelli għolja ħafna bin-numru dejjem jikber ta’ attakki fuq l-insara. Qatt fl-istorja l-insara ma kienu persegwitati daqs dawn l-aħħar snin u minkejja dan kemm in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Komunita’ Internazzjonali jibqgħu ma jagħmlu xejn u jinjoraw dan il-fatt.
F’rapport imsejjaħ “Persegwitati u Minsija” li kien publikat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intqal li l-persekuzzjoni kontra l-insara laħqet livelli ġodda biż-żjieda fl-attakki mill-ISIS, il-Bako Haram u gruppi estremisti islamiċi oħra.
Barra minn dan, il-popolazzjoni nisranija fiċ-Ċina li tlaħħaq mal-127 miljun persuna qed tiffaċċja aktar persekuzzjoni f’attentati biex il-Kristjaneżmu jitqarreb lejn l-ideali komunisti.
L-ACN qalet li fl-Iraq aktar min-nofs il-popolazzjoni nisranija sfaw refuġjati filwaqt li t-tieni l-akbar belt fis-Sirja, Aleppo, li sal-2011 kellha l-akbar komunita’ nisranija rat dan in-numru jonqos b’75% minn 150,000 persuna għal 35,000.
F’termini ta’ numru ta’ persuni involuti, il-gravita’ tad-delitti mwettqa u l-impatt tagħhom fuq il-komunitajiet insara, ma hemmx dubju li dawn huma l-agħar matul iż-żminijiet.
John Pontifex, l-editur tar-rapport qal li għalkemm in-Nazzjonijiet Uniti u l-gvernijiet tal-Punent jibgħatu messaġġi qawwija ta’ appoġġ lil dawk persegwitati,  bil-fatti ma jagħmlu xejn jew ftit. Donnu li għan-Nazzjonijiet din m’hix kriżi għax s’issa għamlet ftit u tard biex ittaffi din il-problema.
Kieku l-organiżazzjonijiet insara u istituzzjonijiet oħra ma għenux lill-insara f’Mosul u Nineveh fl-Iraq, kieku ma għadx fadal insara f’dan il-pajjiż u f’postijiet oħra fil-Lvant Nofsani.
Pontifex enfasizza li l-gvernijiet nazzjonali u organizazzjonijiet internazzjonali għarfu li twettaq ġenoċidju.  Madnkollu l-mexxejja tal-Knisja fil-Lvant Nofsani ripetutament jgħidu li jħossuhom minsija mill-komunita’ internazzjonali.  Numru ta’ Isqfijiet fir-reġjun akkużaw lin-Nazzjonijiet Uniti li ma tatx każ tal-bżonnijiet tal-insara li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minkejja li wegħdet li se tibgħatilhom l-għajnuna.
Ir-rapport jgħid li ma kienux biss komunitajiet insara li sofrew minn din il-persekuzzjoni minn gruppi estremisti jew reġimi totalitarji. F’ċerti pajjiżi Islamiċi bħall-Eritrea u l-Korea ta’ Fuq persuni ta’ twemmin Musulman ukoll huma persegwitati.