In-Nażisti li hawn fostna

Ċertu Charles Saliba kiteb li “the sharks need to eat too.” Huwa għamel dan il-kumment taħt l-inizjattiva li beda Peppi Azzopardi biex individwi joffru post għal xi immigrant u b’hekk ikunu qed isegwu l-eżempju tal-Knisja f’Malta li offriet – kif ilha tagħmel – postijiet għall-immigranti.

Matthew Gili wieġbu: Sharks don’t eat shit.

In-Nażiżmu jgħallem il-mibegħda

Aħna nifhmu li mhux kulħadd huwa nisrani f’pajjiżna iżda ma nafu bl-ebda reliġjon li tgħallem din il-ħdura u mibegħda. Min jikteb dawn il-kummenti, u oħrajn bħalhom, ma jappertjeni għall-ebda reliġjon għalkemm ma teħodhiex bi kbira li tarah taħt xi statwa f’xi waħda mill-festi li jiċċelebraw il-parroċċi Maltin fejn mar-reliġjuż jiżżewqu elementi pagani.

Nafu, mill-banda l-oħra, b’ideoloġija politika waħda li tgħallem din il-ħdura u din il-mibegħda. Din hija t-teorija tan-Nażi ta’ Hitler, l-assassin tal-Maltin, ta’ miljuni madwar id-dinja u ta’ 6 miljun Lhudi maħruqa fil-fran tal-kampijiet tal-konċentrament.

Il-Papa riċentement kellu intervista mar-rivista Kattolika The Tablet.  Semma li llum hawn mexxejja politiċi li kliemhom hu bħal kliem Hitler. Il-Papa ilu jwissi u jgħid li l-mibegħda, partikolarment kontra l-immigranti, mhux biss hija anti-Nisranija iżda hija wkoll il-benniena tan-Nażiżmu.

Itlaq ja xitan

Illum il-Lemin Estrem fl-Ewropa sab kenn fil-moviment tas-sovrenisti konservattivi mwaqqaf fil-Belġju mill-politiku  Mischael Modrikamen. Dan il-moviment iqis is-sovranità nazzjonali bħala l-ewwel u qabel kollox u jrid jibdel il-fruntieri f’ħitan. Trump ried jagħmel dan fiżikament fl-Istati Uniti. Dan il-moviment jippretendi li huwa d-difensur per eċċellenza tal-Kristjaneżmu. F’Mejju tas-sena l-oħra Salvini laqqa’ lis-sovrenisti ‘Insara’ quddiem id-Duomo ta’ Milan. Hemm xandar il-vanġelu razzista tiegħu bil-kuruna tar-Rużarju f’idejh u wara li talab lill-qaddisin protetturi tal-Ewropa u lill-Qalb ta’ Marija.

Ir-rivista Kattolika Famiglia Cristiana kienet għamlet sew li fil-kopertina ġabet lil Salvini bil-kliem “Itlaq ja xitan” – il-kliem użat waqt xi eżorċiżmu.

Waqt li l-ħdura tinxtered bħal xmara fuq Facebook u waqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżna jmur fuq it-TV biex jgħid li l-Ewropa għandha tagħmel pjan ta’ mitt miljun ewro biex tgħin lil-Libja (ħaġa sabiħa jekk issir), fuq il-baħar li tiegħu legalment aħna responsabbli aħna, hemm nies fuq vapur tal-NGOs. Dawn ġew salvati mill-istess vapur bil-għajnuna ta’ patrol boats Maltin li għamluha ċara li ma jridu jtellgħu lil ħadd minnhom fuqhom.

Nies tad-demm u l-laħam

Aħna nifhmu li hemm ħafna nies ta’ qalb ħanina u rieda tajba li għax mhux infurmati sew qed jaħkimhom il-biża’ mill-immigranti. Huwa skandaluż kif nies bla kuxjenza li jipprovaw iħeġġu dan il-biża’ minflok jippruvaw jikkalmawh. Lil dawn in-nies ta’ rieda tajba u mhux lin-Nażi aħna nagħmlu dan l-appell:

Ftakru li dawn l-immigranti huma nies tad-demm u l-laħam bħal kull wieħed u waħda minnha. Hemm trabi, tfal, nisa tqal, nisa oħra u rġiel ta’ kull età. Dawn qegħdin fil-periklu u d-dmir legali u morali tal-Gvern Malti hu li jsalvahom. Tajjeb jibqa’ jinsisti mal-pajjiżi Ewropej li jerfgħu parti mill-piż. Anzi għandu jkompli jinsisti bil-goff għal dan. Iżda ma jistax iħalli ħajjiet fil-periklu.

Fortunatament hemm min qed jirreaġixxi bi mħabba. Id-Deputat Parlamentari Marlene Farrugia, il-Professur Albert Borg u l-attivista Andrea Callus diġà poġġew isimhom flimkien ma’ dak ta’ Peppi Azzopardi biex jilqgħu immigranti għandhom. L-Arċisqof wiegħed l-għajnuna tal-Knisja wkoll.

Kif qal l-Arċisqof dan hu test għall-poplu Malti. Test tal-umanità tal-poplu Malti. Jekk neħlu mhux se jkun hemm resit.