​In-Nature Trust trid pulizija kontra l-krimini ambjentali

L-għaqda Nature Trust appellat lill-Ministru għall-Finanzi sabiex fil-baġit 2018 jalloka iktar fondi għall-konservazzjoni ambjentali.
Fost l-oħrajn qed tirrikmanda t-twaqqif ta’ sezzjoni tal-pulizija li tispeċjalizza kontra l-krimini ambjentali.
Qalet li dawn l-uffiċjali tal-pulizija għandu jkollhom il-poter li jinfurzaw il-liġi fil-konfront ta’ dawk li jarmu l-iskart bl-addoċċ, iħammġu l-ambjent u jikkaċċjaw b’mod illegali.
Nature Trust qalet li issa li l-pajjiż kiseb surplus finanzjarju, allura wasal iż-żmien li l-ħarsien tal-ambjent jingħata l-attenzjoni li tixraqlu. Għalhekk sostniet li jrid isir investiment akbar fl-eko-turiżmu kif ukoll fit-tmexxija tal-parks nazzjonali.