In-NATO se tinvestiga inċident fil-Mediterran bejn vapuri tal-gwerra ta’ Franza u t-Turkija

REUTERS/Francois Lenoir

Read in English.

In-NATO se tinvestiga akkużi li saru minn Franza li l-forzi navali tat-Turkija naqsu milli jwieġbu għal sejħa mill-alleati biex fil-Mediterran biex issir spezzjoni ta’ vapur. Dan l-inċident seħħ aktar kmieni dan ix-xahar. Dan qalu Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tal-alleanza, meta kien qed jitkellem dwar inċident li Pariġi qed tissuspetta kien jinvolvi kuntrabbandu ta’ armi Torok lejn il-Libja.

Il-Ministru tal-Forzi Armati Franċiżi qajmet l-inċident waqt laqgħa tal-Kapijiet tad-Difiża tan-NATO f’mument fejn iż-żewġ naħat qed jakkużaw lil xulxin li qed jappoġġjaw naħat opposti fil-gwerra.

Il-Gvern ta’ Pariġi ripetutament akkuża lill-Ankara li qed tikser l-embargo fuq l-armi impost min-Nazzjonijiet Uniti. It-Turkija qed tiċħad dawn l-akkużi kif ukoll dan l-inċident. Madankollu, il-Ministru Franċiż Florence Parly insistiet li fl-10 ta’ Ġunju, vapuri tal-gwerra Torok xegħlu d-dwal tar-radar tliet darbiet fid-direzzjoni tal-vapur tal-gwerra Franċiż fil-Lvant tal-Meditteran.

Hija qalet li Courbet kienet fuq missjoni tan-NATO biex tivverifika jekk vapur Tork, is-Cirkin, kienx involut f’kuntrabandu ta’ armi lejn il-Libja, wara li dan tefa’ t-transponder tiegħu, naqas milli jidentifika lilu nnifsu u ma provdiex id-destinazzjoni finali tiegħu. Hija żiedet li l-baħħara Torok kienu libsin bullet-proof vests u kienu wara l-armamenti tagħhom waqt l-inċident.

“Ma nistgħux inħallu dan l-imġieba għaddejja isu xejn m’hu xejn. Dan kien inċident serju ħafna u l-alleati tagħna huma mħassba bħalna għaliex tmien alleati Ewropej tawni appoġġ ċar fin-NATO”, sostniet Parly quddiem membri Parlamentari Franċiżi wara l-laqgħa ministerjali.

“Dan l-att kien mill-aktar aggressiv u m’għandux iseħħ meta alleat jinsab quddiem alleat ieħor li qed jaħdem f’isem in-NATO”, żiedet Parly.

Kelliem ewlieni għall-Ministru tad-Difiża tat-Turkija f’kummenti lil Reuters qal li l-argument ta’ Franza kien “bla bażi” u li ma kien hemm ebda evidenza konkreta, u li l-vapur Franċiż kien qed jagħmel manuvri mgħaġġla u perikolużi kontra l-prinċipji tan-NATO u r-regoli tas-sigurtà navali. Huwa żied jgħid i t-Turkija infurmat lil uffiċjali ċivili u militari dwar l-inċident..

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg insisti li “aħna żgurajna li l-awtoritajiet militari tan-NATO qed jinvestigaw l-inċident biex jitfgħu d-dawl fuq dak li verament seħħ.”