In-NATO nkwetata dwar żieda fit-titjiriet ta’ ajruplani militari Russi

In-NATO qiegħdha b’sebgħa għajnejn fuq ir-Russja li skont hi, fl-aħħar jumejn, żiedet b’mod qawwi l-preżenza tagħha b’ajruplani militari jtiru fl-Ewropa.
In-NATO qalet li mill-inqas 4 gruppi ta’ ajruplani militari ġew interċettati jtiru fuq l-ibħra, u pajjiżi bħan-Norveġja, ir-Renju Unit, il-Portugall, il-Ġermanja u t-Turkija kellhom jibgħatu ajruplani militari tagħhom biex jinterċettawhom.
Ir-Russja hi taħt kritika dejjem tiżdied, speċjalment wara li beda l-ġlied mal-Ukrajna.
In-NATO qalet li din is-sena s’issa, pajjiżi oħra interċettaw ajruplani militari Russi mill-inqas 100 darba – tliet darbiet iktar minn dak li normalment sar fi snin oħra.