In-nassaba Maltin qed jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ pulizija – CABS

In-nassaba Maltin qed jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ riżorsi tal-pulizija li qabel kienu qed jikkontrollaw l-insib illegali skont il-Committee Against Bird Slaughter (CABS).

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Administrative Law Enforcement (ALE), li hija l-unit tal-pulizija li tieħu ħsieb il-liġijiet tal-kaċċa u l-insib f’Malta jinsabu għaddejjin b’ħidma oħra relatata mal-kriżi tal-coronavirus. Filwaqt li esprima s-sapport tiegħu għal din id-deċiżjoni, il-CABS insistiet li hemm nassaba illegali li qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Dan qalitu l-uffiċjal tal-CABS, Fiona Burrows.

Intant, fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-CABS qalet li minħabba restrizzjonijiet u direttivi dwar il-kwarantina madwar l-Ewropea kollha, hi ddeċidiet li tissospendi l-kampijiet ta’ voluntiera li jipproteġu l-għasafar fir-Rebbiegħa sakemm toħroġ ordnijiet differenti. Qalet li dan qed isir sabiex tassigura li l-voluntiera jkunu siguri u biex turi solidarjetà ma’ dawk kollha li qed jappellaw biex ma jsirx aktar vjaġġar.

Madanakollu spjegat li se tkun qed iżżomm preżenza minima kemm fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Italja, kif ukoll f’Malta, fiċ-Ċipru u l-Lebanon.

F’Malta, il-membri tal-istaff tal-CABS u voluntiera qed ikomplu jsegwu u jaraw li jkun hemm rispett lejn il-liġijiet tal-kaċċa u l-insib. Qalet li mill-bidu tal-ġimgħa li għaddiet kien hemm disa’ każi li nqabdu permezz ta’ filmati ta’ nsib illegali f’San Pawl il-Baħar, il-Wardija, Ta’ Santi, Tal-Palma, il-Bajja tal-Mistra, Tal-Fawwara u Delimara.

Qalet li fil-11 ta’ Marzu kien hemm nassab li nqabad fil-fatt taħt il-Palazz ta’ Selmun. L-attrezzar kollu tiegħu ġie kkonfiskat mill-Pulizija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn