In-nassaba ħadu vantaġġ mill-coronavirus biex jonsbu illegalment – BirdLife

FILE PHOTO

L-organizzazzjoni BirdLife Malta qalet li filwaqt li l-aħbarijiet kienu ddominati mill-imxija tal-coronavirus, hija baqgħet tgħasses għall-insib illegali, u qabdet lil għadd ta’ kaċċaturi jonsbu illegalment f’Marzu u f’April.

Fi stqarrija, l-NGO spejgat li kien hemm insib illegali tal-ispazz f’diversi nħawdi madwar Malta u Għawdex.

It-taqsima tal-Pulizija tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE) kienet qiegħda tgħasses mal-BirdLife fl-ewwel ftit ġranet, iżda mbagħad kienet okkupata bl-ispezzjonijiet tal-coronavirus, allura l-organizzazzjoni baqgħet tgħasses waħedha, għalkemm il-pulizija għenu fejn kien hemm bżonn.

L-NGO qalet li n-nassaba ħatfu l-opportunità waqt li l-poplu kien medhi jsegwi l-aġġornamenti tal-coronavirus. Uħud minnhom ingħataw lura oġġetti li kienu kkonfiskati.

Hija fakkret li f’dan iż-żmien tas-sena l-insib huwa illegali, peress li l-ispazz huwa protett.

Ikkummentat ukoll dwar l-aħbar tal-bieraħ meta l-Gvern qal li se jippermetti li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa, diment li dawk il-kaċċaturi ta’ 65 sena u iktar u li għandhom mard kroniku ma jmorrux għall-kaċċa. L-NGO qalet li la joħroġ l-avviż legali, tagħti r-reazzjoni uffiċjali tagħha.