In-nases tal-kolla għandhom isiru illegali – PD

Pest Strategies

Il-Partit Demokratiku sostna li hemm bżonn li n-nases tal-kolla għall-ġrieden u pesti oħrajn għandhom isiru illegali. Dan qalu d-Deputat kap u l-kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema Timothy Alden.

Alden insista li l-annimali, anke jekk huma pesti għandhom jinqabdu jew jinqatlu b’mod uman. Tenna li każi ta’ abbuż fuq l-annimali għandhom jiġu penalizzati u l-liġijiet relevanti jridu jiġu strettament enforzati.

Intant, il-kap tal-grupp tal-policy dwar l-Animal Welfare u kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara Mark Zerafa, qal li minkejja li Malta għandha liġijiet li jipproteġu l-annimali, dawn ma jiġux enforzati kif suppost. Sostna li l-abbuż fuq l-annimali jrid jiġi penalizzat u mhux skużat. Insista li l-irziezet għandhom jiġu regolarment spezzjonati sabiex jiġi assigurat li l-istandards Ewropej u nazzjonali jinżammu.

Il-PD sostna li l-annimali selvaġġi Maltin huma vulnerabbli għall-attivitajiet umani u li hemm bżonn li kulħadd jaħdem biex il-fawna tkun protetta. Sostna li l-qniefed u l-fniek selvaġġi saru rari fil-pajjiż minħabba l-iżvilupp. Intant, b’referenza għaż-zoos f’Malta, il-PD insista li hemm bżonn li dawn jiġu investigati u rrimarka li ż-żamma fid-djar u gaġeġ, ta’ annimali li suppost qed jiġru fil-foresti, imur kontra l-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tal-annimali.

Intant, il-partit temm jgħid li se jkun qed iqajjem spunti dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-Parlament din il-ġimgħa.