In-nar tal-imħabba t’Alla nuruh bil-karità

Il-Papa Franġisku jitkellem dwar l-imħabba t'Alla waqt l-Angelus tal-Ħadd li għadda

Fit-talba tal-Angelus nhar il-Ħadd li għadda, l-Papa Franġisku fakkarna li Ġesù ġieb fid-dinja in-nar tal-imħabba t’Alla, biex nirbħu l-apatija u niftħu qlubna għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.

Il-Papa tkellem dwar l-Evanġelju ta’ San Luqa ejn Ġesù qal lid-dixxipoli li wasal iż-żmien li jagħmlu għażla deċisiva favur l-Evanġelju. Din l-għażla qal il-Papa ma tistax tkun posposta għax kif qal Ġesù lill-Appostli, “Nar ġejt nixħet fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa’ qabad”.

“Dan il-kliem kien intenzjonat biex jgħin lill-Appostli jabbandunaw l-għazz, l-apatija u l-indifferenza u jinfetħu biex jirċievu n-nar tal-imħabba t’Alla”, qal il-Papa.

In-nar iħeġġeġ il-ħajja u jgħin lill-umanità. Billi nxerrdu l-imħabba bla qies t’Alla madwar id-dinja, jagħrfuna bħala l-veru dixxipli ta’ Kristu.

In-nar jirbaħ il-firda

Il-Papa Franġisku qal li x-xhieda nisranija tal-Evanġelju hi bħal dak in-nar u tirbaħ kull firda bejn l-individwi, il-kategoriji soċjali, il-popli u n-nazzjonijiet”.

In-nar tal-imħabba t’Alla jaħraq kull forma ta individwaliżmu u jżomm il-karità miftuħa għal kulħadd. Għandu preferenza waħda: il-foqra u dawk emarġinati.

In-nar tal-imħabba t’Alla “jiġbor l-eżistenza kollha tagħna u jrid li nkunu lesti naqdu lil ħutna”.

In-nar idewweb l-egoiżmu

Il-Papa fakkar fil-ħafna żgħażagħ li joffru l-ħin liberu tagħhom biex jgħinu lill-morda, lill-fqar u lill-persuni b’diżabilità.

Li tgħix skont l-Evanġelju jitlob li nilqgħu l-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu u nieħdu inizjattvi karitatevoli ġodda. “B’hekk, il-Vanġelu jimmanifesta ruħu bħala n-nar li jsalva għax jibdel id-dinja u jibda mill-bidla li ssir fil-qalb ta’ kull bniedem.

Dan in-nar li jsalvana hu ċ-ċavetta li tgħinha nifhmu l-istqarrija diffiċli ta’ Kristu li ġie biex joħloq il-firda u mhux il-paċi fid-dinja.

“Ġesù ġie biex bin-nar jifred it-tajjeb mill-ħażin, il-ġust mill-inġust u f’dan is-sens allura, ġie biex jifred, biex joħloq kriżi, imma b’mod pożittiv, fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu”, spejga l-Papa.

Il-Papa żied jgħid li din il-kriżi ta’ purifikazzjoni tkisser l-illużjoni faċli li nistgħu nħalltu l-ħajja nisranija ma’ kull tip ta’ kompromess, prattiċi reliġjużi jew atitudni ta’ mibegħda.

In-nar tal-imħabba t’Alla jipprurifika l-imħabba tagħna

“Din hi kwestjoni li ma nistgħux ngħixu b’ipokresija imma li imma nkunu lesti li nħallsu l-prezz tal-għaħżliet li jkunu konsistenti mal-Evanġelju”, spjega l-Papa.

Mhux billi nsejjħu lilna nfusna nsara, “irridu nkunu nsara f’sitwazzjonijiet konkreti u nagħtu xhied atal-Evanġelju li essenzjalment hu imħabba lejn Alla u lejn ħutna”, qal il-mexxej tal-Kattoliċi.

Papa Franġisku temm l-Angelus f’talba lill-Madonna fejn talab li tgħina “nippurifikaw lilna nfusna bin-nar tal-imħabba t’Alla u nifirxuh tul ħajjitna permezz ta’ għażliet deċisivi u kuraġġjużi.