In-Nanna Tona u n-Nannu Pawlu jżuru l-iskejjel

Fl-okkażjoni tal-Jum Universali ddedikat lit-Tfal, li ħabat ilbieraħ, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret sitt skejjel li jvarjaw minn livell primarju għal medju kif ukoll sekondarju f’Għawdex.
Fost l-iskejjel li żaret marret fl-iskola primarja tal-Qala, l-Għasri, Għajnsielem u Kerċem.
Il-motto magħżul mill-Ministeru għal dan il-jum kien Do one thing for a better world.
Waqt iż-żjajjar tagħha Caruana kienet akkumpanjata mill-mascots uffiċjali tal-Milied ta’ din is-sena f’Għawdex, in-Nanna Tona u n-Nannu Pawlu.
Dawn huma il-mascots li se jkunu qegħdin jintużaw mill-Ministeru għal Għawdex bħala parti integrali mill-programm festiv tal-Milied.
Caruana rrimarkat li l-protagonisti anzjani huma ‘xempji ċari tal-kultura Maltija u Għawdxija’. Żiedet tgħid li dawn huma simboli ta’ solidarjetà u ġenerożità, li t-tfal għandhom jitgħallmu.
Temmet tgħid li t-tfal għandhom irwol importanti biex jibnu s-soċjetà tagħna għall-futur u li huma għandu jkollhom vuċi biex jitkellmu fuq dak li jolqtohom.
Caruana kienet qed tidwi kliem il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, li fi Brussell qalet li t-tfal għandhom jgħixu f’ambjent sigur fejn ma jħossuhomx iġġudikati l-ħin kollu.
Ritratti: MGOZ