In-nanna tal-Eurovision illum tagħlaq 105 snin

Eleonore Kastner, magħrufa aħjar bħala n-nanna tal-Eurovision, illum tagħlaq mija u ħames snin.
Ix-xwejħa twieldet nhar is-7 ta' Jannar tal-1910 fil-Bavaria.
Din is-sena qed tqatta' għeluq sninha l-Italja peress li tħobb ħafna s-safar. Infatti matul ħajjitha daret id-dinja, mhux biss l-Ewropa imma kull kontinent ieħor. Infatti tul dawn l-aħħar għaxar snin kellha ċ-ċans li żżur saħansitra ċ-Ċina, it-Tailandja, l-Indoneżja u anke l-Butan.
Hi mara ta' fidi kbira u ltaqgħat personalment ma' Papa Benedittu. Minkejja l-fidi Kattolika li tħaddan, tirrispetta kull reliġjon tant li ftit xhur ilu ltaqgħat mad-Dalai Lama u għamlet diskussjoni twila miegħu.
Sa sentejn ilu n-nanna tal-Eurovision kienet għadha tipprattika l-professjoni tagħha ta' hairdresser.
Għandha erbat itfal li minnhom mietu tlieta, ħames neputijiet u tmien pro-neputijiet.
L-EBU taha t-titlu uffiċjali tal-ixjeħ fan li tattendi l-Eurovision Song Contest kull sena. 
Bogħod jew qrib, kull sena lil Kastner issibha fis-sala tal-Eurovision.
Anke meta l-Festival sar f'pajjiżi mbiegħda bħal Baku, Kastner ma qatgħatx qalbha u kienet fost dawk li marru fil-post fejn sar il-festival li għandha tant għal qalbha.
Meta mistoqsija x'tixtieq bħala riġal għal dan il-jum speċjali, wieġbet li t-tama tagħha hi li Alla jtiha s-saħħa biex fit-23 ta' Mejju ta' din is-sena, tkun għal darb' oħra fi Vienna għas-sittin edizzjoni tal-Festival li s'issa f'ħajjitha ma tilfitu qatt!