In-nanna Rita tagħlaq 60 sena

Awguri lill-attriċi Rita Camilleri li llum qed tiċċelebra għeluq is-60 sena tagħha. Hija twieldet bħal-lum fl-1960.

“Grazzi Mulej talli tajtni sena oħra,” qalet hi kmieni dalgħodu waqt li bi ftit umoriżmu żiedet tgħid li “dalwaqt se jkolli l-karta anzjan”.

L-attriċi li bħalissa qed narawha fis-sensiela Sorelle li tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq TVM fit-3pm tidher determinata li ma tħallix l-età teffettwaha.

Għal Rita dan il-perjodu huwa mument sabiħ għax proprju ftit taż-żmien ilu saret nanna għall-ewwel darba.

“L-isbaħ rigal f’għeluq is-60 sena tiegħu,” ikkummentat hi hekk kif tellgħet ritratt fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook li juriha maċ-ċkejken Alex, li twieled proprju ftit ġimgħat ilu f’ħin li kienet għaddejja b’filming fuq is-sett tas-serje Sorelle.

Għalkemm illum huwa jum speċjali, fl-istess waqt huwa wkoll jum ta’ dieqa. Dan għaliex għal Rita din hija l-ewwel sena li mhux se tirċievi messaġġ ta’ awgurju mingħand oħtha Anna Pace li mietet f’Settembru li għadda waqt li kienet fl-Italja.

Dalgħodu Rita għażlet ukoll li tfakkar il-memorja ta’ oħtha.

Ritratt: Facebook/RitaCamilleri

Rita ilha tirreċta sa minn mindu kellha 7 snin meta Fr Wistin Born kien sema’ li kien hemm konkors tad-drama għat-tfal u kiteb Taqtiegħ il-Qalb. B’din il-produzzjoni ġew fit-tielet post u kienet l-ewwel darba li hija ħadmet fit-Teatru Manoel.

Il-grupp li ħadet sehem miegħu wara addotta l-isem ta’ Young Deporians Group u kienu jtellgħu plays miktuba minn Fr. Born b’direzzoni ta’ Fr. Karm Zammit.

Ta’ 17-il sena hija nqagħdet mal-Atturi Salesjani fejn ħadet sehem f’għadd ta’ prododuzzzjonijiet fosthom Il-Kerrjja, Filumena Marturanu, Il-Giddieb Għomru Qasir u Saturday, Sunday, Monday.

Kienet ukoll tat is-sehem tagħha fil-produzzjoni Meta Morna Tal-Mellieħa li ttellgħet fl-2013 biex timmarka l-20 anniversarju mill-mewt ta’ Francis Ebejer.

Fuq it-televiżjoni rajnieha f’għadd ta’ sensiliet fosthom Riħ Isfel, Santa Monika, Riħ fil-Bomblu, Ipokriti, Manwela, Undercover, It-Tmien Nota, 506 u bħalissa f’Sorelle.

Awguri nanna Rit!