In-nagħaġ ta’ Ġanni Attard f’idejn il-Prim Ministru u Clint Camilleri

Wara iktar minn ħames snin, il-każ ta’ Ġanni Attard għadu għaddej u n-nagħaġ għadhom ma sabux il-mistreħ.
Riċentament, l-Avukat ta’ Attard kiteb lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, biex bħala l-persuna responsabbli mis-Servizzi Veterinarji u l-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali, jieħu passi u fi kliemu ssir ġustizzja darba għal dejjem ma’ dan ir-raħħal.
L-isess ittra u l-korrispondenza li ngħatat lil Clint Camilleri, l-Avukat Joshua Grech bagħathom ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-Avukat Grech saħaq li d-Dipartiment Veterinarju kien ilu jaf minn Lulju tal-2010 bl-eżistenza tan-nagħaġ ta’ Attard iżda baqa’ qatt ma rreġistra n-nagħaġ kif kien obbligat li jagħmel bil-liġi. 
Fakkar li Ganni Attard ilu snin jitlob li jsir l-ittegjar tan-nagħaġ u anke r-reġistrazzjoni tagħhom, liema talbiet ġew mgħoddija lis-Segretarju Parlamentati Roderick Galdes.
Mill-ġdid, Ganni Attard talab li tittieħed deċiżjoni eżekuttiva mis-Segretarju Parlamentari u n-nagħaġ jiġu reġistrati, jittieħed kampjun tad-demm u jiġu mtaqbin mid-Dipartiment u mill-Phyto Sanitary Regulation, kif isir ma’ raħħala oħra.
Il-każ ta’ Attard beda ħames snin ilu,meta d-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji qatlu 216-il nagħġa għax ma kinux irreġistrati.
Minn hemm Attard kien beda jissielet mal-awtoritajiet biex il-kumplament tal-merħla, jew madwar 300 nagħġa, ma tinqatilx 
F’Lulju li għadda, Ġanni Attard kien instab ħati li ittrasferixxa, ċaqlaq jew żamm illegalment numru ta’ annimali.
Minkejja dan, l-avukati tiegħu argumentaw dwar nuqqas ta’ provi speċjalment dwar iċ-ċaqliq jew trasferiment ta’ annimali.
Iżda, l-Avukat Ġenerali, inista li l-każ ta’ Ġanni Attard jinkludi wkoll il-kwistjoni tas-saħħa pubblika. Spjega li nuqqas ta’ kontrolli, kif mitlub bil-liġi, anke dik Ewropea, jista’ jwassal għal effetti negattivi fuq is-saħħa tal-pubbliku.
Kien għalhekk, li l-Avukat Ġenerali talab il-konfiska tal-merħla ta’ Ġanni Attard. Bħalissa din il-merħla qed tinżamm taħt għassa fir-razzett tiegħu.