In-N.U. tikkundanna oqbra tal-massa li nstabu f’belt fil-Libja wara li rtiraw l-LNA

Read in English.

Il-missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja nhar il-Ħamis qalet li kienet ixxukkjata dwar rapporti li nstabu oqbra tal-massa fil-belt ta’ Tarhouna wara li l-gvern rikonoxxut internazzjonalment reġa’ ħa pussess ta’ din il-belt minn forzi bbażati fil-lvant tal-pajjiż. 

“Il-liġi internazzjonali titlob li l-awtoritajiet iwettqu investigazzjonijiet immedjati, effettivi u trasparenti,” qalet f’dikjarazzjoni. 

Il-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali (GNA), rikonoxxut internazzjonalment min-Nazzjonijiet Magħquda, reġa’ ħa kontroll ta’ Tarhouna nhar il-Ġimgħa wara li rtirar tal-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) immexxija minn Khalifa Haftar u li hi bbażata fil-lvant tal-pajjiż. 

Il-GNA qalet li l-Ministru għall-Ġustizzja kien waqqaf kumitat biex jinvestiga l-iskoperta ta’ dawn l-oqbra tal-massa, imma s’issa għadu ma ġiex iddikjarat kemm instabu iġsma. 

Tarhouna kienet qed tinżamm mill-familja Kani li għandha alleanza mal-LNA u li tikkontrolla l-grupp imsejjaħ Kaniyat, grupp armat li huwa b’saħħtu fiż-żona. Il-GNA rrapportaw ukoll is-sejba ta’ għexieren ta’ iġsma fil-kamra mortwarja tal-belt meta din inħatfet lura mill-forzi tal-lvant.

Il-belt inqabdet matul bidla mhux ippjanata fil-mappa militari li wasslet ukoll biex l-LNA joħorġu mill-aħħar post fejn kien hemm il-preżenza tagħhom fi Tripoli u bliet oħra fil-majjistral tal-pajjiż 14-il xahar wara li nbdiet kampanja biex il-GNA jerġgħu jieħdu kontroll tal-belt kapitali. 

Matul dawn l-aħħar ġranet is-sitwazzjoni fuq il-fruntiera stabbilizzat viċin il-belt kostali ta’ Sirte. 

Hanan Salah, riċerkatriċi ewlenija ma’ Human Rights Watch Libya, qalet li l-GNA għandhom jistiednu esperti forensiċi internazzjonali biex jgħinu ħalli tiġi preservata kull traċċa possibbli ta’ evidenza ta’ atti kriminali fiż-żona filwaqt li jiġu identifikati l-iġsma misjuba. 

“Inħeġġu lill-GNA biex iżommu l-wegħda tagħhom li jinvestigaw dawn l-oqbra tal-massa malajr u b’mod trasparenti,” qalet Salah.