Imxi mixja “roża” biex tgħin lil min ibati mill-kanċer

Permezz ta' inizjattiva ġdida li ġiet imnedija miċ-chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, wieħed se jkollu l-opportunità jipparteċipa f'mixja sabiex jgħin lil persuni li jbatu mill-kanċer.
Bl-isem 'The Esplora Pink October Walk', din il-mixja se ssir fl-20 ta' Ottubru u se tibda minn ħdejn Villa Bighi fid-9.30pm.
Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jgawdu wkoll xeni mill-isbaħ tal-Kottonera, hekk kif il-mixja se toħodhom ħdejn il-bajja tal-Kalkara, il-fortifikazzjonijiet ta' Sant'Anġlu, u l-waterfront tal-Kottonera. Il-mixja eventwalment se tispiċċa quddiem l-Università Amerikana ta' Malta.
Fost l-attivitajiet oħra relatati mal-kanċer li se jsiru dan ix-xahar hemm il-'Doctors in the City', fejn diversi tobba u infermiera se jkunu qed joffru kliniċi miftuħin fi Pjazza Ħelsien fil-Belt Valletta. Din l-attività se ssir fil-21 ta' Ottubru.
Ritratt: DOI – Anthony Sultana