Imxejtu mal-liġi? “Mhux se nwieġeb ta” – Kap tas-Sigurtà

Read in English.

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li l-Kumitat tas-Sigurtà mexa mal-liġi, id-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà qal li ma jridx iwieġeb.

Fl-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizija, Joseph Bugeja żvela li s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien attenda laqgħat tal-Kumitat għas-Sigurtà. Il-liġi ssemmi li dan il-kumitat għandu jkun magħmul mill-Prim Ministru, mill-Ministru responsabbli għas-Servizz, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Newsbook.com.mt staqsa lil Bugeja għalfejn Mario Cutajar kien ikun preżenti imma d-Direttur ma ried iwieġeb l-ebda mistoqsija li saritlu. Bugeja lanqas ikkonferma jew ċaħad li l-Kumitat għas-Sigurtà kien jimxi mal-liġi. “Mhux se nwieġeb ta,” qal Bugeja. Id-Direttur ma qalx għalfejn ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu.

Il-preżenza ta’ Cutajar għal dawn il-laqgħat ġiet żvelata wara mistoqsijiet mill-avukati tal-familja Caruana Galizia fl-inkjesta pubblika. Fuq Facebook, Jason Azzopardi ddeskriva t-tweġiba ta’ Bugeja bħala waħda li ma titwemminx.

Fi kliem Azzopardi l-preżenza ta’ Mario Cutajar kienet ksur tal-liġi u li kienet “diżgustanti”.

Unbelievable. Head Security Services, questioned by myself & Therese Comidini Cachia, reveals (public part of sitting)…

Posted by Jason Azzopardi on Wednesday, January 22, 2020

X’tgħid il-liġi?

Il-liġi tgħid li s-Security Service jkun taħt il-kontroll ta’ kap appuntat mill-Prim Ministru. 

Il-Kap għandu jħejji rapport annwali dwar xogħol is-servizz. Ir-rapport jingħata lill-PM. 

Il-membri tas-Servizz jiġu appuntati mill-Kap. Dawn għandhom jinkludu fost l-oħrajn uffiċċjali pubbliċi, membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, membru tal-Korp tal-Pulizija, membru ta’ prescribed body jew xi kuntrattur tal-gvern, u direttur ta’ xi korp imwaqqaf mil-liġi.

L-ebda tip ta’ komunikazzjoni ma tista tiġi interċettata sakemm mhux b’mandat iffirmat mill-Ministru konċernat.
Meta jaħseb li hemm bżonn, il-PM jista’ jeżerċità kull poter li l-liġi tagħti lill-Ministru konċernat.

Il-PM għandu jaħtar Kummissarju. Dan għandu jgħasses fuq dak li jagħmel il-Ministru. Il-Kumissarju għandu jħejji rapport annwali dwar il-qadi ta’ dmirijietu. Għandu wkoll jinvestiga ilmenti dwar is-Servizz tas-Sigurtà.

Kumitat tas-Sigurtà

Il-liġi tgħid li għandu jkun hemm kumitat magħruf bħala l-Kumitat tas-Sigurtà. Dan għandu jkun magħmul mill-PM, mill-Ministru responsabbli għas-Servizz Sigriet, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan il-kumitat jagħmel rapport annwali.

Il-kumitat jista’ jieħu deċiżjonijiet meta jkun hemm mill-inqas tnejn mill-membri tiegħu preżenti.

Illum fl-inkjesta pubblika, Bugeja għamel ħafna ħin jixhed wara bibien magħluqa.

“Il-Kap taċ-Ċivil ilu Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà mill-2001”

Wara li ntemmet is-seduta,l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ħareġ stqarrija.

Fl-istqarrija ntqal li l-Kap taċ-Ċivil u s-Segretarju tal-Kabinett ilu jservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà sa mis-sena 2001 fuq nomina u approvazzjoni tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.

“Mill-2001 sal-2004, il-Kap taċ-Ċivil ta’ dak iż-żmien is-Sur JR Grima kien iservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà. Bejn l-2004 u l-2013, il-Kap taċ-Ċivil ta’ dak iż-żmien Dr Godwin Grima kien iservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà.”

“Mill-2013 ’l hawn, il-Kap taċ-Ċivil preżenti Mario Cutajar assuma l-pożizzjoni ta’ Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà u f’kull seduta li attenda għaliha dejjem kien preżenti l-Kap tal-Oppożizzjoni.”

L-Uffiċċju ppubblikata l-minuta li permezz tagħha l-Prim Ministru Fenech Adami fl-2001 approva li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li allura kien il-Kap taċ-Ċivil, ikun is-Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà.

“Minn dakinhar ’il hawn il-Kap taċ-Ċivil dejjem serva bħala Segretarju tal-istess Kumitat tas-Sigurtà,” qal l-Uffiċċju.



Filmat: Miguela Xuereb