“Imxajtan u dijaboliku” – Isqof dwar il-kriżi tal-abbużi sesswali

Isqof Robert Barron abbużi sesswali
L-Isqof Robert Barron

L-isqof influwenti Amerikan Robert Barron ingħaqad ma’ dawk li qed isejħu għal investigazzjoni mmexxija mil-lajċi, dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra membri ewlenin fil-ġerarkija tal-Knisja, li għamel l-Arċisqof Carlo Maria Viganò.

L-Isqof Barron qal li l-kriżi attwali dwar abbużi sesswali mill-kleru hi l-agħar waħda fl-istorja tal-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti.

F’intervista mal-“Vatican Insider,” is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, qal li l-Papa Franġisku “jinsab fil-paċi” minkejja l-akkużi kontrih minn Viganò imma fil-Vatikan hemm wisq “dwejjaq u aġitazzjoni.”  Hu appoġġja l-pożizzjoni li ħa l-Papa dwar dawn l-allegazzjonijiet li la ammetta u lanqas ċaħad l-akkużi.

S’issa, il-Papa Franġisku mhux jitkellem dwar dawn l-akkużi. Imma din il-ġimgħa qal fi Tweet li “aħna l-Insara m’aħniex bejjiegħa ta’ prodotti, aħna nikkomunikaw il-Ħajja.”

L-Isqof Barron, f’intervista qal li “hemm elementi mxajtna” fid-dettalji xokkanti li ħarġu mir-rapport tal-Grand Jury ta’ Pennsylvania, dwar l-abbuż ta’ 1,000 tifel minn 300 membru tal-kleru fuq medda ta’ seba’ snin.

“Uħud mid-dettalji terribbli li ħarġu jqallbulek l-istonku u ma niddejjaqx ngħid li verament kien hemm element demoniku li wieħed jara f’dawn l-affarijiet,” qal l-Isqof.

“Dak li laqatni f’dan ir-rapport.  Is-sitwazzjoni tal-Arċisqof McCarrick, li l-abbuż kien qed iseħħ f’livell tant għoli, il-korruzzjoni li laħqet dik il-parti tal-Knisja. Laqatni wkoll il-fatt l-atteġġjament ta’ ‘jien ukoll’ għax dan ma kienx biss abbuż sesswali imma wkoll abbuż kbir ta’ poter. Dawn iż-żgħażagħ riedu s-saċerdozju u dan kien il-persuna li seta’ jagħtihulhom jew jiċħadhulhom. Dan kien abbuż kbir ta’ poter u ta’ awtorità.”

L-Isqof Barron żied li, “L-iskandli tal-lum huma ferm agħar minn dawk ta’ 25 sena ilu meta kienu jinħarqu l-knejjes u l-kunventi, għal dik li hi ħsara lill-Knisja u l-ħajjiet tan-nies. Din żgur hi l-agħar kriżi fil-ħajja tal-Knisja Kattolika fl-Amerika. Huimportanti li aħna l-Kattoliċi nirrealizzaw li għaddejjin minn żmien terribbli u rridu naħtfu l-mument; irridu nagħmlu xi ħaġa. Ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem din il-kriżi terribbli.”

L-Isqof Baron jaqbel li l-klerikaliżmu hu parti mill-problema imma wkoll tort tan-nuqqas ta’ fedeltà lejn il-voti tas-saċerdozju. Hu rrefera wkoll għall-omosesswalità. “Hemm x’jindika li l-maġġoranza kbira tal-każi jinvolvu vjolenza sesswali bejn l-irġiel”.

“Insostni li dan l-iskandlu hu kapolavur dijaboliku għax jimmina l-ħidma tal-Knisja b’kull mod. Lili, bħala Evanġelizzatur tolqotni b’mod immedjat. X’inhu l-aħjar mod kif timmina kull sforz ta’ evanġelizzazzjoni, sforz biex tippropaga t-tagħlim tal-Knisja, biex tagħmel il-Knisja aktar attraenti għan-nies u tiġbidhom lejn Kristu. X’hemm aktar effettiv biex ikisser dan ix-xogħol milli jkollok saċerdoti jabbużaw sesswalment miż-żgħażagħ?” temm jgħid l-Isqof Barron.