Aġġornata: “L-ebda azzjoni dixxiplinarja għall-Assistent Kap tal-Iskola” – Ministeru

B’reazzjoni għal diversi rapporti li dehru fil-midja dwar dan il-każ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċaħad li ttieħdet xi azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tal-Assistent Kap tal-Iskola.
Il-Ministeru żied jgħid li jekk ikun hemm bżonn, se tittieħed l-azzjoni kollha meħtieġa.
Il-Ministeru ċċara li dwar il-każ, diġà kienet ittieħdet azzjoni mill-Kap tal-Iskola u mill-Prinċipal tal-Kulleġġ.  
Kompla jgħid li li l-Assistent Kap ma ġiex trasferit u għadu qed jaħdem fil-Higher Secondary bir-responsabiltajiet ta’ dan ir-rwol.
Ġie ċċarat ukoll li billi sar ir-rapport lill-pulizija, id-doveri tiegħu mhumiex se jinkludu s-superviżjoni tal-uffiċjal tas-sigurtà involut f’dan il-każ. 

Iktar kmieni
Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet li l-Assistent Kap tal-Higher Secondary tan-Naxxar li widdeb uffiċjal tas-sigurtà għax allegatament kien qed ipejjep fl-iskola ġie mwissi dalgħodu mill-maniġment tal-iskola li se jieħdu passi dixxiplinari kontrih.
Ir-raġunijiet mogħtija kienu li l-Assistent Kap mexxa l-uffiċċju tiegħu minn binja għal oħra bħala miżura ta’ sigurtà. Skont, l-Unjin, raġuni oħra kienet minħabba li r-raġel kien preżenti mal-Pulizija fl-iskola biex jaraw ir-recording tal-inċident fl-istess skola.
L-Unjin staqsiet għalfejn ġew imressqa dawn il-proċeduri dixxiplinari llum, ġurnata wara li ħareġ il-każ fil-pubbliku.
L-Unjin qalet ukoll li dawn l-azzjonijiet dixxiplinari jqajmu dubji dwar għaliex il-Ministeru u l-maniġment tal-iskola qed iwaħħlu fil-vittma flok li jieħdu azzjoni kontra l-aggressur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone qal li dawn huma “bullying tactics” li l-unjin se tiġġieled kontinwament kontrihom.