“Imwejjed u siġġijiet fuq il-bankini qed joħolqu aktar traffiku u problemi” – AD

Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-permessi għall-imwejjed u siġġijiet fuq il-bankini fil-Gżira u tas-Sliema għandhom jiġu riveduti filwaqt li jħud minnhom għandhom jittieħdu għall-kollox.

Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Gżira fejn kelliema għall-Alternattiva Demokratika ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet, l-Malta Tourism Authority u l-Awtorita’ tal-Ippjanar, bl-approvazzjoni tal-Gvern qed jinjoraw in-nies u l-infrastruttura urbana aċċessibbli.

Ma’ Newsbook.com.mt Cacopardo sostna li l-awtoritajiet jippretendu li n-nies jimxu f’nofs it-triq, bin-negozji jokkupaw il-bankini u lanqas biss iħallu spazju għal-loading bays għall-ħwienet tal-madwar. Enfasizza l-fatt li d-double parking perikoluż huwa problema enormi fil-Gżira u postijiet simili filwaqt li l-mod kif qed joperaw ir-ristoranti fuq il-bankini huwa inaċċettabbli.

Cacopardo sostna li hemm bżonn li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tibqax tipperikola lin-nies u trendi residenti tal-inħawi priġunieri tan-negozji. Hemm bżonn ukoll li l-Kunsilli Lokali mhux biss ikunu ikkonsultati iżda li jkollhom sehem effettiv u ċentrali f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-infrastruttura urbana fil-lokalitajiet tagħhom. Temm jgħid li t-turiżmu m’għandu qatt jiġi qabel kull kunsiderazzjoni oħra u awtoritajiet bħall-MTA, għandhom ikunu suġġetti għal policies li jfasslu l-Kunsilli Lokali fuq il-lokalitajiet tagħhom.

Ralph Cassar, kelliem dwar l-infrastruttura, qal li l-ispazji pubbliċi qed jittieħdu min-negozji bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet. Sostna li fejn hemm spazji adegwati qed jinħarġu permessi liberi u kaġun t’hekk qed ikun hemm residenzi imblukkati, skart fuq il-bankini, nuqqas kbir ta’ aċċessibilita’ filwaqt li hemm nuqqas kbir ta’ infurzar.

Cassar żied jgħid li tant mhux isir infurzar li taxis u coaches li jwasslu t-turisti u ġieli wkoll karozzi tal-linja jkollhom jieqfu f’nofs ta’ triq minħabba d-double parking. Minflok l-awtoritajiet iħajjru lin-nies jimxu u anke jużaw ir-roti tul il-promenade permezz ta’ infurzar serju, il-promenade saret korsa bl-ostakli u t-toroq perikolużi temm jgħid Cassar.

Ritratti: Altnerattiva Demokratika, info@newsbook.com.mt