“Imweġġa’ għax il-Panama Papers qed jgħattu dak li ksibna”

Il-Viċi Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista Louis Grech qal li jinsab imweġġa’ għax dak li qed joħroġ mill-Panama Papers qed jgħatti u jtellef il-kisbiet li qed isiru mill-Gvern. 
Semma kif dawn qed itellfu mill-fatt li l-Gvern diġà wettaq 76% tal-wegħdiet elettorali tiegħu u se jibqa’ għaddej f’din it-triq li jwettaq kull ma wiegħed.
Waqt li ndirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Louis Grech sostna li fejn jidħlu l-Panama Papers, il-Prim Ministru se jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-qrib. Spjega li dawn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu fl-interess nazzjonali, u mhux għax qed jitlobhom il-Partit Nazzjonalista.  Kompla jgħid li s-sentiment tal-poplu se jittieħed in konsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet dwar dan il-każ.
Dwar il-ħidma tal-Gvern fis-sentejn li ġejjin, qal li din se tkompli tiffoka fuq il-faqar, l-inklużjoni soċjali, il-pensjonijiet u l-anzjani, kif ukoll fuq il-governanza u t-trasparenza.
Tkellem ukoll il-Ministru Evarist Bartolo li fost l-oħrajn ippropona reġistru pubbliku li fih jiġu elenkati l-ismijiet ta’ dawk kollha li jinvestu f’pajjiżi li ma għandhomx reġim ta’ taxxi.