Imwaqqfa assoċjazzjoni kontra l-ibbuljar onlajn

Matul l-2012 kienu aktar minn miljun it-tfal li sfaw ibbuljati fuq l-internet mill-Facebook.

Għalkemm f’Malta m’hawnx statistika uffiċjali parti mill-imwiet b’suwiċidju jsiru minħabba l-problema tal-ibbuljar onlajn.

L-eks Deputat Parlamentari Jeffrey Pullicino Orlando qal li din il-problema qed tikber u għalhekk inħolqot l-Anti Cyber Harassment Association (ACHA).

Qal li filwaqt li hawn liġijiet eżistenti u diġa hemm taqsima tas-Cyber Crime fil-Korp tal-Pulizija hawn bżonn li jiġu riveduti l-liġijiet biex il-proċess ikun wieħed aktar mexxej u li jħares l-interessi tal-vittmi.

Iċ-Chairperson tal-ACHA, id-Deputat Deborah Schembri qalet li 57% tal-Maltin iqisu l-ibbuljar onlajn bħala problema.

Deborah Schembri qalet li l-Assoċjazzjoni ħolqot sit elettroniku minn fejn il-pubbliku jista’ jressaq is-suġġerimenti biex titfassal abbozz għall-attenzjoni tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Assoċjazzjoni qed tistenna li fil-bidu tas-sena d-dieħla jittieħed vot fil-Parlament.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Jeffrey Pullicino Orlando qal li din mhix kampanja kontra persuni partikolari għaliex kulħadd jista’ jispiċċa vittma tal-ibbuljar onlajn.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, jekk il-proċess jitwalx jekk dan imur il-Qorti, Deborah Schembri qalet li l-Assoċjazzjoni qed tistenna li l-proċess jitħaffef u dan ma jeskludix li l-każ ma jmurx direttament quddiem il-Qorti. 

Is-sit elettroniku tal-ACHA huwa www.achamalta.com.