Tlieta jmutu bil-Covid-19 f’Malta

Żewġ nisa u raġel imutu fl-aħħar sigħat.

Read in English.

Matul il-ġurnata tal-lum is-Sibt, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li tliet anzjani mietu bil-Covid-19. Fl-ewwel stqarrija, il-Gvern qal li mietu żewġ anzjani nisa waħda ta’ 72 u oħra ta’ 86 sena mietu filwaqt li fit-tieni stqarrija waranofsinhar, il-Gvern qal li raġel anzjan ta’ 85 sena miet fl-aħħar sigħat. B’hekk it-total ta’ imwiet f’Malta issa huwa ta’ 20 persuna.

L-ewwel każ huwa ta’ mara ta’ 72 sena, li ddaħħlet l-isptar Mater Dei fil-11 ta’ Awwissu u ttestjat pożittiva għall-Covid-19 fit-12 ta’ Awwissu. Hija ġiet trasferita fit-taqsima tal-Kura Intensiva fil-15 ta’ Awwissu, fejn kienet baqgħet rikoverata. L-anzjana mietet matul dan il-lejl.

Anzjana oħra ta’ 86 sena wkoll mietet dal-lejl fit-taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei. Fit-tieni każ, l-anzjana ittestjat pożittiva fit-8 ta’ Settembru u ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fis-16 ta’ Settembru.

Ir-raġel ta’ 85 sena li miet fl-aħħar sigħat kien qed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit f’Mater Dei u kellu kundizzjonijiet tas-saħħa ulterjuri. Ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-12 ta’ Settembru meta ddaħħal l-Isptar Mater Dei.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjani, jappella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.

Dawn kienu t-tielet u r-raba’ mewt kawża tal-COVID-19 li tħabbret din il-ġimgħa u li segwew l-mewt ta’ anzjana ta’ 86 sena li mietet fil-unit għal Prevenzjoni tal-marid infettiv t-Tnejn li għadda u anzjana ta’ 91 sena li mietet Mater Dei fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Il-Ġimgħa, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li kienu rreġistrati 39 każ ġdid u 18 il-fejqan biex il-każijiet attivi huma 621.

Din il-ġimgħa bdiet numru rekord ta’ każijiet meta għall-ewwel darba leħqu u qabżu il-mitt każ reġistrat f’24 siegħa. L-awtoritajiet qalu li nofshom kien ġejjin mid-dar tal-anzjani tal-Fgura.