Imutu sitta fid-Danimarka wara inċident bejn żewg ferroviji

REUTERS

Mietu sitta fid-Danimarka wara inċident bejn żewġ ferroviji fuq pont jismu Great Belt li jgħaqqad tnejn mill-ikbar gżejjer tal-pajjiż. Il-Pulizija ma kkonfermawx in-numru ta’ feruti.

Il-kumpanija tan-netwerk tal-ferroviji Banedanmark, min-naħa l-ohra, ikkonfermat li xi oġġetti taru minn ferrovija tal-merkanzija u laqtu l-ferrovija tal-passiġġieri li kienet fi triqtha lejn il-belt kapitali.

Minħabba l-maltemp gravi fiż-żona, servizzi tal-emerġenza sabu diffikultà biex jaslu fuq il-post malajr. Minkejja li inċidenti fatali huma rari ħafna fuq in-netwerk tal-ferroviji fid-Danimarka, twaqqaf ċentru tal-emerġenza f’Nyborg ħdejn l-entrata tal-Punent tal-pont.

Great Belt fih 18-il kilometru u jgħaddu minn fuqu mal-21,000 passiġġier tal-ferroviji, apparti madwar 27,000 karozza kuljum.