Imutu mijiet ta’ għasafar f’Ruma; “massakru”

Grupp favur id-drittijiet tal-annimali jgħid li x’aktarx mietu minħabba murtali u logħob tan-nar

Mijiet ta’ għasafar li ħafna minnhom kienu sturnelli mietu wara spettaklu tal-logħob tan-nar f’lejlet is-sena l-ġdida f’Ruma. Attivisti favur id-drittijiet tal-annimali qegħdin isejħu dan l-inċident bħala massakru.

Filmati tat-toroq viċin l-istazzjon prinċipali tal-ferrovija fil-belt kapitali juru ammont kbir ta’ għasafar mejta fl-art. Għalkemm il-kawża ta’ din l-isfortuna għadha mhijiex ċara, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Annimali (IOPA) qiegħda tgħid li x’aktarx l-imwiet ġew ikkawżati minn murtali u nar ieħor li ħa fil-post fejn kienu jabitaw dawn l-għasafar.

Kelliema għal din l-organizzazzjoni qalet li jista’ jkun li mietu minħabba l-biża’. Saħqet li jistgħu jmutu waqt li jkunu qegħdin itiru flimkien u jaħbtu ma’ xulxin, ma’ xi tieqa jew arblu tad-dawl iżda jistgħu jmutu wkoll b’attakki tal-qalb.

Dan l-ispettaklu kien qiegħed jikser ir-regoli ta’ din il-belt li kellha wkoll restrizzjoni fuq il-ħin li wieħed jista’ jdum barra.

L-IOPA fl-Italja qed tappella sabiex jitneħħew mis-suq il-murtali u logħob tan-nar ieħor għall-użu personali. Intant, is-Soċjetà Rjali għall-Protezzjoni tal-Għasafar (RSPB) qiegħda tgħid li ma hemmx evidenza biżżejjed li l-logħob tan-nar kapaċi jikkawża danni fuq l-għasafar li mhumiex domestiċi però saħqet li għandha ssir iżjed riċerka.