Imutu 45 persuna fil-Baħar Mediterran; “bżonn azzjoni immedjata”

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) jinsabu mnikkta għall-mewt ta’ 45 immigrant u refuġjat fis-17 t’ Awwissu fl-akbar nawfraġju li seħħ fil-kosta Libjana din is-sena.

Is-37 persuna li salvaw huma mis-Senegal, Mali, Chad u l-Ghana kienu salvati mis-sajjieda tal-lokal li aktar tard ġew miżmuma wara li tniżżlu l-art. Dawk salvati qalu li fost dawk li mietu kien hemm ħamest itfal li tilfu ħajjithom hekk kif splodiet il-magna ftit wara li telqu mill-kosta ta’ Zwara.  

Iż-żewġ organizzazzjonijiet qegħdin jappellaw biex ikun hem reviżjoni mill-Istati fid-dawl ta’ din l-aħħar traġedja fil-Mediterran. Żiedu li huwa bżonn urġenti li jsaħħu t-tiftix u s-salvataġġ ta’ dawk li jkunu fil-periklu.

Il-UNHCR u l-IOM qalu li jekk ma jkunx hemm żieda fit-tiftix u s-salvataġġ hemm riskju kbir li jerġa’ jkun hemm diżastru simili fejn jintilfu aktar ħajjiet fiċ-Ċentru tal-Mediterran.

Il-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi għandhom irwol importanti biex isalvaw il-ħajja ta’ dawk fil-periklu. L-isforz uman biex jiġu salvati l-ħajjiet m’għandux jiġi mxekkel u r-restirzzjonijiet legali u loġisti        ċi għandhom jitneħħew malajr tennew l-organizzazzjonijiet.

Huma komplew li l-bastimenti li jsalvaw in-nies li jkunu f’periklu għandhom jingħataw il-permess li jiżbarkaw fl-eqreb port u mhux jiġu orndati jduru lejn il-Libja. Minn tal-inqas 302 immigranti mietu meta qabdu din ir-rotta matul din sena.

L-IOM u l-UNHCR qalu li f’dan iż-żmien ta’ pandemija ħafna mill-Istati tal-Mediterran li laqgħu l-immigranti u r-refuġjati irnexxielhom jagħmlu eżamijiet mediċi fil-fruntiera u kwarantina temporanja mal-wasla tagħhom fuq l-art. Żiedu li l-pandemija m’għandix tkun skuża biex il-persuni ma jkollhomx protezzjoni internazzjonali.

S’issa Malta u l-Italja laqgħu aktar minn 17,000 persuna li telqu mil-Libja u t-Tuneżija. Dawn iċ-ċifri huma akbar meta kkumparati mal-2019 madankollu inqas meta mqabblin mas-snin li għaddew.

L-IOM u l-UNHCR qalu li n-nuqqas ta’ stabbiltità u sigurtà fil-Libja qiegħed iwassal il-kuntrabandisti, it-traffikanti u l-kriminali biex jieħdu vantaġġ mill-immigranti u r-refuġjati.

Huwa appellaw lill-awtoritajiet Libjani biex jieħdu passi kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti. Dan għandu jinkludi t-tmiem ta’ ċrieki ta’ kuntrabandu biex ikunu evitati gruppi kriminali li jwasslu għall-isfruttament u l-abbuż.