Imutu 3,000 ħanżir fl-Indoneżja wara tixrid mill-ġdid tal-iswine fever

L-Indoneżja qed toqgħod aktar attenta dwar it-trasportazzjoni tal-ħnieżer u l-laħam tagħhom wara li mat-3,000 ħanżir mietu wara li reġgħet bdiet tinfirex l-African swine fever. Skont il-Ministeru għall-Agrikultura tal-pajjiż dan seħħ viċin East Timor.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li 2,825 ħanżir mietu lbieraħ f’ħames żoni f’East Nusa Tenggara. Minħabba f’hekk, il-fruntieri ta’ East Timor se jissaħħu. Il-każi ilhom jiġu rrapurtati min Settembru li għadda.

Il-Ministeru bagħat professjonisti fuq il-post sabiex jiddeterminaw is-sors tal-infezzjoni, jagħmlu diżinfettazzjoni u jsaħħu l-miżuri tal-biosecurity. Hu ħeġġeġ lill-bdiewa biex ma jbigħux annimali morda u jarmu l-iġsma ta’ ħnieżer mejta kif suppost.

Fil-provinċja hemm madwar 2.1 miljun ħanżir skont data tal-gvern. Jidher li fir-resort turistiku ta’ Bali mietu mal-1,700 ħanżir, x’aktarx kawża tal-iswine fever.