Imutu 2 ċinji fil-Ġnien ta’ Sant’Anton

Aġġornat 07:11 AM
I Will Not Go Away / Alison Bezzina

Attivista kitbet fil-blogg tagħha li żewġ ċinji li ilhom snin twal fil-vaski tal-Ġnien ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard mietu, u ċinju ieħor sparixxa.

Fil-blogg I Will Not Go Away, Alison Bezzina tat rakkont dettaljat ta’ kif żvolġew l-affarijiet f’Sant’Anton.

L-Environmental Landscapes Consortium (ELC) fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu huwa responsabbli għal din iż-żona, inkluż għall-annimali li jgħixu f’dan il-ġnien. L-ELC qed tallega li ċ-ċinji mietu b’kawża naturali, iżda l-attivista qalet li dawn kienu f’saħħithom. Spjegat li fil-passat kien diġà ġie enfasizzat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali li l-ELC mhijiex awtorità kompetenti biex tieħu ħsieb l-annimali li jgħixu fil-ġnien.

L-artiklu ta’ Bezzina qajjem rabja fost dawk li għandhom l-annimali għal qalbhom.

Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-Ġnien Sant’Anton ingħalaq għall-pubbliku fid-19 ta’ Marzu. Għalhekk, anke dawk li s-soltu jmorru jitimgħu lill-qtates ma tħallewx jidħlu aktar. Madankollu, kien hemm oppożizzjoni għal dan u tħalliet tidħol persuna waħda għal kwarta kuljum sabiex titma’ lill-qtates kollha fil-ġnien.

Iżda ftit wara rrealizzaw li kwarta mhix biżżejjed sabiex din il-persuna titma’ lil dawn il-qtates kollha, peress li sakemm tkun qed tagħmel dan, iduru magħha għadd ta’ annimali oħra bħal paguni, ħamiem u għasafar oħra li donnhom ikunu ddisprati għall-ikel. Dan intqal lill-maniġment tal-ELC, iżda skont Alison Bezzina, dawn ma tawx widen.

L-ELC baqgħet tinsisti li l-għasafar kienu qed jintemgħu kemm suppost. Wara xi jiem, il-persuna li titma’ l-qtates tħalliet tqatta’ siegħa fil-ġnien minflok kwarta kuljum, iżda li tmur darba f’ġurnata ma tqiesx biżżejjed peress li l-qtates huma mdorrijin jintemgħu darbtejn f’ġurnata. L-attivisti tal-annimali baqgħu jipprotestaw favur dan.

Fil-25 t’April ġie rrappurtat li xi paguni ħarbu minn Sant’Anton, iżda meta twettqet spezzjoni mill-Animal Welfare, ma nstab xejn mhux f’postu fil-ġnien.

Ftit tal-jiem wara, dawk li jitimgħu l-qtates tħallew jidħlu siegħa oħra f’ġurnata fil-ġnien, iżda mhux fil-btajjel pubbliċi.

Fl-1 ta’ Mejju, il-persuna li kienet qed titma’ l-qtates indunat b’qattusa li donnha kienet qed issofri minn epilessija. Ċemplet għall-ambulanza tal-Animal Welfare u l-qattusa, minkejja li ttieħdet fl-isptar tal-annimali, mietet. Fit-2 ta’ Mejju, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali wettaq spezzjoni f’Sant’Anton iżda mill-ġdid, ma nstab xejn mhux f’postu.

Madankollu, l-attivista issa qed tallega li żewġ ċinji mietu u ieħor sparixxa, iżda mhuwiex magħruf fejn jinsabu l-fdalijiet tagħhom. Alison Bezzina qalet li dan kollu ma qalitux qabel biex tipproteġi lil dawk li jitimgħu lill-qtates f’dan il-ġnien.

L-Uffiċċju tal-President jikkjarifika li t-tmexxija tal-ġnien mhix parti mir-responsabbiltà tiegħu

L-Uffiċċju tal-President ħareġ stqarrija biex jikkjarifika li l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta’ dan il-ġnien ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-President, iżda taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Environmental Landscapes Consortium (ELC).

L-annimali kienu fi stat tajjeb ta’ saħħa – Malta Embellishment and Landscaping Project

Il-Ħamis filgħaxija l-Malta Embellishment and Landscaping Project qalet li wara spezzjonijiet li saru riċentement tul l-aħħar ġimgħat inkluż il-gimgħa li għaddiet, kien stabbilit li ma nstabux irregolaritajiet u li l-annimali kienu fi stat tajjeb ta’ saħħa.

Saħqet li dawn kienu l-kummenti pubbliċi mid-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Annimali.

Qalet li tkellmet mal-kumpanija privata u awtonoma ELC, Environmental Landscaping Consortium, li twettaq hi l-ħidma fl-imsemmi ġnien.

“Mhux minnu li l-annimali ma kinux qed jiġu mitmugħa, tant hu hekk li minkejja l-ġonna kienu magħluqa minħabba l-COVID-19, l-għalf tal-annimali kollha baqa’ għaddej bħas-soltu, inkluż mill-feeders tal-qtates li nħarġilhom permess speċjali biex ikunu jistgħu jibqgħu jidħlu fil-ġonna,” qalet il-Malta Embellishment and Landscaping Project.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger