Imutu 10 waqt protesti kontra l-Gvern fl-Iran

Għaxar persuni nqatlu f’diversi bliet fl-Iran matul il-lejl li għadda, waqt li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern tagħhom u l-għawġ ekonomiku li jinsab fih pajjiżhom.
Sitt persuni nqatlu b’tiri li ġew sparati fuqhom fil-belt ta’ Tuyserkan, li tinsab madwar 300km ‘il bogħod minn Tehran.
Uffiċjal mill-belt ta’ Izeh qal li żewġ persuni mietu fl-akwati.
Iż-żewġ persuni l-oħra nqatlu meta nqala’ l-ġlied f’Dorud, fil-provinċja ta’ Lorestan.
Minbarra dan, membri tal-Pulizija waddbu l-gass tad-dmugħ fuq persuni li kienu qed jipprotestaw fil-Pjazza Engheleb f’Tehran.
L-istazzjon televiżiv tal-istat ħabbar li persuni armati li kienu qed jipprotestaw ipprovaw jisgassaw il-bibien ta’ għases tal-Pulizija u ta’ binjiet militari, iżda l-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż iġġieldu lura.
Dalgħodu, il-President Hassan Rouhani ddeskriva l-protesti u l-kritika qalila bħala “opportunità, mhux theddida”, biex il-pajjiż jingħaqad u tinstab soluzzjoni għall-problemi li qed jaffaċċa l-pajjiż.
Il-protesti, li faqqsu l-Ħamis li għadda u li ħallew b’kollox tnax-il vittma, huma l-ikbar dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern li ra l-pajjiż wara l-protesti brutali tal-Moviment l-Aħdar li seħħew fl-2009.