Aġġornata: Iż-żagħżugħ li miet wara argument f’Paceville

Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena li miet wara li kien involut f’argument f’Paceville dalgħodu huwa Zack Meli.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-06:30am ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Santu Wistin, kantuniera ma` Sqaq Santa Rita, f'San Ġiljan.
Il-Pulizija sabet li ż-żagħżugħ residenti s-Swieqi kien involut f’argument ma` xi persuni u waqa’ mal-art.
Skont il-Pulizija, iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza iżda ġiet ċċertifikat mejjet ftit wara.
L-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin. Il-Pulizija qalet li qed tkellem xi persuni barranin b'rabta mal-każ.
Skont it-TVM, Meli miet minħabba daqqa ta’ ponn. Kelliem għall-Pulizija qal ma' Newsbook.com.mt li ma setax jikkonferma dan id-dettal.