Aġġornata: Imut wieħed miż-żewġ priġunieri li ddaħħlu l-isptar

Wieħed mill-priġunieri li ddaħħlu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-isptar Mater Dei, miet matul il-lejl li għadda.
Ilbieraħ, żewġ priġunieri ddaħħlu l-isptar għall-kura wara li kienu qed ibatu minn infezzjoni qawwija f’sidirhom.
Minn din l-infezzjoni ntlaqtu 10 priġunieri oħra. Il-priġunier l-ieħor għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda jinsab f’kundizzjoni stabbli.
Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Gvern ikkonferma l-aħbar u qal li l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ikkonfermat li miet wara li ddaħħal l-Isptar Mater Dei minħabba problemi respiratorji. 
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Ministru Carmelo Abela għandu jieqaf jaħbi s-sitwazzjoni vera fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jinforma lill-poplu Malti u Għawdxi b'mod immedjat dwar rapporti ta' influwenza jew mard ieħor infettiv mifruxa fost il-priġunieri.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami u l-kelliema tal-PN għas-Saħħa Claudette Buttigieg qalu li hu ċar li l-Ministru lbieraħ ipprova jqarraq meta qal li mhux veru kien hemm żewġ priġunieri l-ITU jsofru minn overdose, meta kien jaf li kien hemm tnejn fl-ITU jsofru minn influwenza jew mard ieħor.
Reazzjoni Ministeru għall-Intern
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li min eżami mediċi rriżulta li numru ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienu qegħdin ibatu bl-influwenza.
Intqal li 109 mill-priġunieri aċċettaw li jieħdu t-tilqima iżda sfortunatament wieħed minnhom miet fl-isptar u ħarġet stqarrija mill-Faċilità.
Il-Ministeru għall-Intern isostni li huwa faċli li l-Gvern joqgħod ifakkar f’liema stat tħalliet il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taħt l-amministrazzjoni preċedenti iżda kwistjonijiet delikati bħal dawn jixirqilhom maturità u mhux partiġġjaniżmu.