Aġġornata: Imut wara ġimgħa jissielet għal ħajtu

Read in English.

Raġel ta’ 72 sena miet fl-Isptar Mater Dei wara li l-ġimgħa li għaddiet kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija fi stqarrija qalu li l-anzjan minn San Pawl il-Baħar tilef ħajtu dalgħodu. Huwa kien ilu sebat ijiem jissielet għal ħajtu.

L-inċident seħħ il-Ħadd li għadda fi Triq il-Wileġ San Pawl il-Baħar.

AQRA: Anzjan jittajjar minn karozza; fil-periklu tal-mewt

Ir-raġel huwa Anthony Zarb li kien attiv sew fix-xenarju tal-futbol lokali u nazzjonali. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-futbol (MFA) qalet li tinsab imnikkta bl-aħbar tal-mewt tiegħu u bagħtet il-kondoljanzi lill-familjari, qraba u ħbieb tiegħu f’dan iż-żmien diffiċli.

Għal snin twal, Zarb kien il-maniġer tal-Istadjum Nazzjonali, Ta’ Qali. L-MFA qalet li hawnhekk huwa kien iddedikat għax-xogħol tiegħu u ħadem biex akkwista r-rispett tal-uffiċjali tal-futbol, tal-plejers, coaches u s-supporters.

L-MFA qalet ukoll li Zarb kien qrib ta’ Sirens FC fejn serva fuq il-kumitat u għen lill-klabb f’diversi rwoli tul is-snin. Għal xi żmien huwa wkoll assista lil Nadur Youngsters.