Imut waqt l-irqad seminarista li serva lill-Papa fil-quddiesa tal-Għid

Br. Anthony Freeman, tal-Moviment Regnum Christi li fis-7 ta’ Lulju li ġej kellu jkun ordnat djaknu fid-djoċesi ta’ Houston fl-Istati Uniti, miet waqt li kien rieqed fil-lejl ta’ bejn Ħadd il-Għid u t-Tnejn.
Hu kien qiegħed fis-seminarju li l-komunità għandha f’Ruma fejn kien għadu kif temm tmint ijiem ta’ eżerċizzi spiritwali bi tħejjija għall-ordinazzjoni tiegħu u fil-funzjoni tal-Ħadd serva fil-quddiesa ċelebrata mill-Papa Franġisku fil-Vatikan.
Għalkemm il-kawża tal-mewt tiegħu għadha mhix stabbilita, il-komunità Regnum Christi qalet li jidher li din kienet mewta naturali.
Is-superjuri reliġjużi tiegħu qalu li Br. Anthony li kellu biss 30 sena, kien eżemplari, ubbidjenti, ġeneruż u impenjat ħafna. Sostnew li ħalla l-ferħ u l-entużjażmu tiegħu fil-ktieb “One Step Closer” li ppubblika ftit ilu.
Fr. John O’Connor, id-Direttur tar-Regnum Christi fl-Istati Uniti, filwaqt li għadda din l-aħbar kerha lill-membri tal-komunità, qal li ovvjament din il-mewta għall-għarrieda kienet ta’ xokk kbir kemm għall-komunità kif ukoll għall-familja tiegħu. Fil-fatt, żewġ saċerdoti f’dawn il-mumenti diffiċli jinsabu mal-familja tiegħu sabiex ifarrġuhom.
Il-komunità appellat għat-talb kemm għal ruħ dan is-seminarista, kif ukoll għall-familja tiegħu.  Il-katavru tiegħu mistenni jittieħed lejn l-Istati Uniti biex isirlu servizz funebri u d-difna wara li l-awtoritajiet Taljani jlestu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar din il-mewt.