Imut Tareq Aziz…l-eks-Viċi Prim Ministru fi żmien Saddam Hussein

Tareq Aziz, l-eks-Viċi Prim Ministru Iraqi fi żmien Saddam Hussein miet dalgħodu fl-età ta’ 79 sena minħabba attakk tal-qalb.
Aziz miet fil-ħabs, fejn kien ilu maqful għal dawn l-aħħar 12-il sena.  Fl-2003, Aziz kien ġie arrestat wara l-invażjoni tas-suldati Ingliżi-Amerikani u l-waqgħa ta’ Saddam Hussein.
Fl-2010 ġie kkundannat għall-mewt minħabba reati kontra l-umanità iżda ma nqatilx minħabba li l-president ta’ dak iż-żmien, Jalal Talabani, ma kienx iffirma s-sentenza tal-mewt.
Bosta pajjiżi, fosthom il-Vatikan, talbu kemm-il darba lil Bagdad biex iħennu għal dan ir-raġel anzjan. 
Fl-2013, Aziz, li hu Nisrani, kien saħansitra appella lill-Papa biex ikun jista’ jiġi ġġustizzjat malajr sabiex itemm it-tbatija li kien għaddej minnha.