Imut tabib Ċiniż li pprova jwissi dwar il-coronavirus

LI WENLIANG/GAN EN FUND via REUTERS

Read in English.

Tabib Ċiniż li wissa li l-coronavirus jixbah lis-SARS qabel ma ġie rikonoxxut uffiċjalment miet fl-aħħar sigħat. Il-mewt tiegħu wassal biex bosta nies irrikorrew għall-midja soċjali biex jesprimu r-rabja tagħhom lejn il-Gvern.

Il-mewt tat-tabib ta’ 34 sena ġiet ftit wara li l-President Ċiniż Xi Jinping qal lill-President Amerikan Donald Trump li ċ-Ċina qed tagħmel li tista’ biex iżżomm lill-virus milli jinfirex.

Fit-3 ta’ Jannar, Li ġie sfurzat jiffirma ittra li tgħid li hu tellef l-ordni soċjali, u ġie mhedded li jeħel multa. Ritratt tiegħu ġo sodda l-isptar liebes apparat biex jieħu n-nifs ixxerred ħafna online.

It-tabib kien fost tmien persuni f’Wuhan li l-Pulizija widdbithom talli allegatament xerrdu informazzjoni “falza u illegali.” Li kien beda jwissi fuq il-midja soċjali li l-coronavirus jixbah lis-SARS. Is-SARS kien qatel lil kważi 800 persuna meta tfaċċa fl-2002 u l-2003. Kien oriġina miċ-Ċina wkoll.

Iċ-Ċina kienet ġiet akkużata li ppruvat taħbi s-SARS.

L-għadd ta’ persuni mejta fiċ-Ċina tela’ għal 637, b’total ta’ 31,211-il każ. Jidher li fid-dinja hawn nuqqas ta’ maskri u lbies ieħor ta’ protezzjoni.

Intant, f’Malta sar it-tieni test tal-coronavirus li rriżulta fin-negattiv.