Imut Stephen Hawking

Il-fiżiċist deskritt bħala l-aktar kewkba leqqiena fl-istudju kożmoloġiku modern, Stephen Hawking, ħalla din id-dinja fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Hawking kellu 76 sena, u familtu qalet f’messaġġ li l-fiżiċist miet mewta kwieta fid-dar tiegħu f’Cambridge.
Ħafna jibqgħu jiftakru lil Hawking bħala l-bniedem ikkakkmat għal għomru fuq siġġu tar-roti, li kien jitkellem minn magna, iżda li moħħu kien wieħed mill-aktar imdawlin.
Tajjeb wieħed jiftakar li Hawking ta’ 22 sena kienu diġà qalulu li minħabba l-kundizzjoni tiegħu, il-motor neurone disease, ma kienx għad fadallu wisq ħajja.
Iżda Hawking għex biex ta lid-dinja l-ewwel teorija tal-kożmoloġija li kienet twaħħad it-teorija tar-relattività u dik tal-mekkanika quantum.
Kien ukoll skopra li l-fenomenu tal-irqajja’ suwed fl-univers, il-black holes, jeġilsu minnhom infushom l-enerġija u eventwalment jispiċċaw fix-xejn. Din is-sejba fil-fatt baqgħet magħrufa bħala l-Hawking radiation.
Iżda l-ewwel sejba kbira tiegħu kienet dik flimkien mal-fiżiċist Roger Penrose fl-1970, meta applikaw il-kunċetti tal-matematika applikata biex jifhmu l-irqajja’ suwed fl-univers u wrew li kien hemm singularità waħda eżistiet fil-passat tal-univers. Dan kien il-punt meta seħħ il-big bang, jiġifieri meta beda jespandi l-univers.
Fil-messaġġ tal-familja wliedu Lucy, Robert u Tim qalu li missierhom kien xjenzat kbir li l-kuraġġ u l-umoriżmu li kellu ispiraw lil miljuni madwar id-dinja.
Darba fost l-oħrajn Hawking kien irrappurtat li qal hekk, “Ma tantx tkun tista’ ssejjaħlu univers dan li qed ngħixu fih, li kieku ma kienx fih ukoll il-persuni li tħobb”.
F'Ottubru li għadda t-teżi ta' Hawking meta kellu 24 sena, Properties of Expanding Universes, tpoġġiet fuq l-internet għal kulħadd.