Imut Sean Connery; kellu 90 sena

Tħabbret il-mewt tal-attur Sean Connery fl-età ta’ 90 sena. L-attru Skoċċiż jibqa’ mfakkar għall-parti ta’ James Bond fil-films tal-aġent sigriet 007. Huwa kien l-ewwel wieħed li interpreta dan il-karattru lura fl-1962 fil-film Dr. No u spiċċa biex ħadem f’seba’ films minn din is-sensiela.

Il-mewta tiegħu tħabbret mill-familja aktar kmieni llum fejn intqal li miet mal-lejl fil-Bahamas.

B’karriera twila fil-films Connery baqa’ attiv fiċ-ċinema u fost il-ħafna unuri li rebaħ kien hemm l-Oscar, żewġ BAFTA’s u tliet Golden Globe Awards.

Films oħra li fihom, Connery ħadem bħala attur huma The Hunt for Red October, Indiana Jones and the Last Crusade u The Rock.

F’Awwissu li għadda ċċelebra għeluq sninu ta’ 90 sena.

Connery kien miżżewweġ mal-attriċi Diane Cilento bejn l-1962 u l-1973. Sentejn wara huwa żżewweġ lill-artista Micheline Roquebrune. Hu kellu tifel, l-attur Jason Connery, miż-żwieġ tiegħu ma’ Cilento. Connery kien ukoll nannu għat-tifel ta’ ibnu Jason miż-żwieġ tiegħu mal-attriċi Mia Sara.