Imut Salvinu Brincau; “Qatta’ ħajtu ddedikat għall-GWU”

Il-General Workers’ Union (GWU) ħabbret il-mewt ta’ Salvinu Brincau li qatta’ ħajtu ddedikat għall-union sa mill-ewwel snin tagħha.

Fi stqarrija ġie spjegat li Brincau, magħruf ukoll bħala Sonny, kien issieħeb fil-GWU f’età żgħira. Dan wasslu sabiex jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħidma tal-Union, inkluż fil-Kunsill Nazzjonali tagħha. Wara li rtira bl-età kien wieħed mill-fundaturi ta’ dik li hija l-GWU Għaqda Pensjonanti; fejn għal żmien serva bħala Assistent Segretarju tal-Għaqda u wara kompla bħala membru tal-kumitat eżekuttiv sal-2011.

Il-GWU tenniet li l-ħidma ta’ Brincau fil-qasam trejdunjonistiku kienet xiehda ta’ dedikazzjoni u impenn ta’ persuna li ried li jara l-ħaddiema jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.