Imut Ric Ocasek tal-grupp The Cars

Ritratt: Frazer Harrison

Miet fl-eta ta’ 75 sena l-kantant Ric Ocasek tal-grupp The Cars. L-etá eżatta tiegħu mhux magħrufa. Hemm rapporti li jgħidu li kellu 70 sena, waqt li oħrajn jindikaw li kellu 75 sena.

Hu nstab mitluf minn sensih fl-appartament tiegħu fi New York mill-eks martu Paulina Porizkova. Kollox jindika li huwa miet b’kawża naturali.

Ocasek kien ifforma l-grupp The Cars fl-1976 flimkien ma’ Benjamin Orr, Elliot Easton, Greg Hawkes u David Robinson. Daqqew flimkien fl-aħħar ta’ dik is-sena u sentejn wara ħarġu l-album debutt tagħhom, li kiseb suċċess mill-ewwel, tant li spiċċa fit-18-il post tal-klassifika.

Minnu ħarġu siltiet bħal Just What I Needed, My Best Friend’s Girl, u Good Times Roll.

It-tieni album tagħhom Candy-O ħareġ fis-sena ta’ wara segwit minn Panorama fl-1980 u Shake It Up fl-1981.

Madanakollu kien il-ħames album tagħhom Heartbeat City li kisbilhom suċċess kbir, meta tela’ sat-tielet post tal-klassifika. Kien jinkludi siltiet ta’ suċċess bħal You Might Think u Drive.

Kien waqt il-ġbid tal-vidjow Drive li Ocasek ltaqa’ ma’ Paulina Porzikova li kellha biss 18-il sena. HUma żżewġu ħames snin wara u kellhom żewġt ulied. Isseparaw fl-2017 u baqgħu ħbieb.

B’kollox il-grupp The Cars ħareġ seba’ studio albums, tmien compilation albums u 26 single.