Ir-raġel ta’ 54 sena li miet bil-coronavirus kien pulizija

Aġġornat 03:34 PM
Joseph-Muscat
Facebook

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li raġel ta’ 54 sena miet waqt li kien pożittiv bil-Covid-19. Dan kien Joseph Muscat, uffiċjal tal-pulizija, magħruf mal-kollegi tiegħu bħala “it-12.”

Ir-raġel iddaħħal l-Isptar Mater Dei fil-25 ta’ Ottubru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 dakinhar stess. Huwa miet aktar kmieni llum fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Diversi persuni kitbu fuq kif il-mewt tiegħu kienet bħal sajjetta fil-bnazzi. Kollegi tiegħu sejħulu t-tieni missier tagħhom u qalu li n-nuqqas tiegħu se jħossuh bil-kbir.

Ser nimmisjawk Joe, grazzi ta kemm ghallimtna u kemm tghajtna pariri ta gid. Kemm dahhaktna. Dejjem ferriehi u tferrah…

Posted by Maria Schembri on Thursday, November 5, 2020

Jidher li Joseph Muscat kien it-tieni vittma fil-familja li tilef ħajtu għall-coronavirus.

Strieh fi sliem ziju Joseph Muscat !!Il covid kella tihdok mid din id dinja zomm.idejk fuqna minn hemm fuq zi.Ftemp…

Posted by Nicky Parnis on Thursday, November 5, 2020

“Zijuwi ma kellu ebda mard; kien raġel b’saħħtu”

Katrina Spiteri, in-neputija ta’ Joseph Muscat, infurmat lil Newsbook.com.mt li għall-kuntrarju ta’ li qal il-Ministeru tas-Saħħa, zijuha ma kellu ebda mard u kien raġel b’saħħtu.

Fl-istqarrija maħruġa mill-Ministeru hemm miktub li hu kellu mard kroniku.

Illum diġà tħabbret mewta bil-Covid-19, dik ta’ anzjan ta’ 75 sena. B’hekk dan hu l-71 vittma tal-coronavirus f’Malta.

Din ma kinitx l-ewwel darba li dak li qal il-Ministeru fuq il-mewt ta’ pazjent bil-Covid-19 ikkontradixxa dak li qalet il-familja tal-vittma.

F’nofs Ottubru kien miet Charlie Buhagiar, magħruf f’Ħal Qormi bħala Charlie tal-Għaġin, fl-Isptar Mater Dei bil-coronavirus. Bintu kienet qalet li missierha ma kienx marid kif pinġewh l-awtoritajiet tas-saħħa. Hija saħqet li hu ħa l-virus mill-isptar.

Il-Ministeru tas-Saħħa llum ħabbar 174 każ ġdid tal-coronavirus filwaqt li fiequ 93 persuna. It-total ta’ każijiet attivi issa qabeż l-1,900.