Richmond Tong ir-raġel li miet fil-lock-up tal-Furjana

Aġġornat 01:53 PM

Read in English.

Richmond Tong kien ir-raġel ta’ 35 sena li tilef ħajtu waqt li kien qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana.

Kien għall-ħabta tal-3.40am li l-pulizija stazzjonati fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija nnutaw li persuna li kienet qed tinżamm hemmhekk kellha bżonn l-assistenza medika peress li deher li kien qiegħed ibati minn fit.

Bdiet tingħata assistenza medika u ntużat AED, filwaqt li ssejjaħ tim mediku fuq il-post. Mal-wasla tat-tim mediku, dawn komplew jassistu lil din il-persuna, iżda minkejja kull tentattiv, ir-raġel tilef ħajtu.

Huwa kien residenti l-Imtarfa.

Ir-raġel kien twaqqaf fin-12.30am minn żewġ taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqqfuh, saritlu tfittxija u nstab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-Oppożizzjoni trid inkjesta indipendenti

L-Oppożizzjoni ħarġet stqarrija dwar dan il-mewt, li fiha talbet għal inkjesta indipendenti fuq il-każ.

Din l-inkjesta għandha tistabbilixxi “x’wassal għal din il-mewt, setgħetx ġiet evitata, min kien responsabbli illi jara li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi mħarsa saħħet din il-persuna waqt l-arrest tagħha, kif ukoll biex jiġi aċċertat illi ġew osservati l-protokolli u l-liġijiet kollha waqt dan l-arrest.”